Għall-ħdax-il sena konsekuttiva, fl-24 ta’ Novembru se terġa’ ssir il-President Fun Run. Attivita b’risq l-Istrina li issa daħlet fil-kalendarju annwali. L-għan prinċipali ta’ din l-attività huwa li jinġabru fondi għal dawk l-aktar fil-bżonn.
F’konferena tal-Aħabrijiet fil-Palazz ta’ San Anton, il-President George Vella rringrazzja lil dawk kollha involuti fl-organizzazzjoni ta’ din il-fun run. Huwa ddeskriva din l-attivita’ bħala ċelebrazzjoni ta’ kollaborazzjoni, volontarjat, għaqda, solidarjeta’ u ġenerożita’, li fi kliem il-President, hija l-akbar valur li jiddeskrivi l-poplu Malti. George Vella saħaq fuq l-importanza li m’għandniex ninfirdu fuq affarijiet żgħar, għalhekk din għandha tkun okkażjoni fejn ningħaqdu flimkien għal għan nobbli.
Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus, kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ, Sport u l-Ġlieda kontra l-Obeżita’ tkellem dwar kif din il-mixja u l-ġirja tista’ sservi bħala opportunita’ għal kulħadd biex jieħu sehem f’attivita’ fiżika.
Semma ukoll li din hija attivita’ li tgħaqqad lil poplu Malti f’poplu wieħed, ‘il bogħod mid-diviżjoni politika. Huwa qal li l-preżenza ta’ kulħadd waqt din l-attivita’ għandha twassal il-messaġġ li l-poplu Malti irid ikun parti minn soċjeta’ li jimpurtaha minn kulħadd.Il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta Mark Cutajar ta d-dettalji loġistiċi tal-attivita’ li għal sena oħra se jkollha tliet punti tat-tluq għal min irid jimxi. Il-grupp immexxi mill-President ta’ Malta se jitlaq minn ħdejn l-Universita’, il-punt tat-tluq tradizzjonali minn Santa Venera, u grupp ieħor li jitlaq minn Raħal Ġdid. Dawk li jixtiequ jiġru, jitilqu mis-Saqqajja fir-Rabat, fejn imbagħad il-parteċipanti jiltaqgħu flimkien ħdejn Bieb il-Bombi.
//= $special ?>