Bħalissa r-rabja għall-aħħar riżultati tat-tim nazzjonali Malti għadha tinħass fil-futbol lokali. Wieħed mill-persuni li fl-aħħar snin kien konsistenti fid-diskors tiegħu dwar il-futbol Malti hu l-kowċ Paul Zammit. Fl-aħħar snin hu stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-aqwa kowċis lokali u fl-aħħar snin kien kowċ ta’ Valletta u Birkirkara. Paul Zammit hu wieħed mill-ħafna li huma diżappuntati dwar l-andament tal-futbol Malti. Zammit hu konxju li l-pubbliku sportiv Malti hu ddispjaċut u rrabjat li ma jistax jara l-progress mixtieq.
“Li nirrikonoxxu l-iżbalji tagħna, nagħmlu kritika kostruttiva u nibdew nattwaw is-soluzzjonijiet ta’ pjan fit-tul, iwassalna għal dak li jixtieq kulħadd li hu l-progress fil-futbol Malti. Però, irridu ngħidu l-affarijiet kif inhuma u dak li hu iswed ngħidulu iswed mingħajr ħabi jew tlaqliq.” Hu kompla li l-aħħar riżultati juru li s-sistema u l-istruttura tal-futbol Malti għandhom jinbidlu għaliex għalkemm sar progress f’ċertu aspetti, ma kienx maħsub fit-tul u spiċċa biex il-progress kien żgħir wisq ħdejn dak li għamlu pajjiżi oħra.
Zammit għamel referenza għal settur importanti li hu jħoss li ntesew matul iż-żmien – il-partitarji. Hu jqishom bħala l-klijenti tal-futbol Malti u għalhekk jemmen li l-prodott offrut irid ikun ta’ livell biex isegwuh, jieħdu pjaċir bih u jagħtihom sodisfazzjon. F’Lulju li għadda kien elett President tal-MFA Bjorn Vassallo u fi kliem Zammit, dan hu ċ-ċans li jsir li hemm bżonn. Hu għandu fiduċja fil-President il-ġdid u n-nies ta’ madwaru iżda appella biex issir struttura u pjan fit-tul realistiku, effettiv u li jista’ jsir “però ma jridu jħarsu lejn ħadd u jżommu f’rashom biss il-ġid tal-futbol Malti inġenerali, fil-livell ta’ klabbs u tat-timijiet nazzjonali.”
Il-livell tal-klabbs
“Tul dawn l-aħħar snin ħdimna aktar għall-kwantità milli għall-kwalità.” Hu kompla li fi struttura produttiva, ikun hemm bażi kbira li iżda tħares lejn il-kwalità speċjalment fil-livelli ta’ fuq. “Nibqa’ ngħid li kulħadd għandu dritt jilgħab il-futbol, imma mhux kulħadd għandu dritt jilgħab elite futbol.” L-eks kowċ ta’ Mosta, Valletta u Birkirkara rrepeta dak li ilu jgħid li hawn wisq klabbs minħabba li jinqasmu r-riżorsi u aktar minn hekk fi kliem Zammit, bqajna dilettanti minn fuq sa isfel.
Paul Zammit jitkellem dwar problema prinċipali li jqis li ħafna beżgħu u għadhom jibżgħu hi li ammont ta’ klabbs huma mmexxija minn nies inkompetenti li b’dispjaċir jgħid li uħud minnhom qegħdin hemm għall-interessi personali tagħhom li huma żgħar jew kbar. Hu kompla li hemm ħafna klabbs li jimxu mil-lum għal-lum u jemmen li għandha ssir ‘due dilligence’ rigoruża fuq min imexxi l-klabbs. Hu saħaq li mhux kulħadd għandu jitpoġġa fl-istess keffa għaliex mhux ġust ma’ min jaħdem b’serjetà.
“Għandhom isiru kriterji serji biex klabb ikun jista’ jibqa’ jopera u jikkompeti fid-diviżjoni tiegħu u dawn il-kriterji għandhom jiġu nfurzati. Min ma jilħaqx dawn il-kriterji ma għandux jitħalla jikkompeti. Mhux qed ngħid li klabb għandu jagħlaq, imma jibqa’ ‘feeder club’ fis-settur taż-żgħażagħ tiegħu u jekk irid iżomm it-tim tal-kbar, jikkompeti fil-kompetizzjonijiet tad-dilettanti. Kull klabb għandu jippreżenta l-pjan amministrattiv tiegħu qabel l-istaġun, b’garanzija finanzjarja fuq il-budget li jkun qed jipproponi.”
Il-kompożizzjoni tad-diviżjonijiet
Diskussjoni li ddominat il-futbol lokali fl-aħħar snin hi l-kompożizzjoni tal-Kampjonat Premier. Paul Zammit għandu l-idea (li esprimiha diversi drabi) li jkun hemm Kampjonat Premier professjonali b’10 timijiet, Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni semi-professjonali b’10 timijiet u żewġ diviżjonijiet purament tad-dilettanti.
“Il-klabbs tal-ewwel żewġ diviżjonijiet għandu jkollhom U19, U17 u U15 bħala timijiet kompetittivi tal-Youths li jilagħbu ammont stipulat ta’ logħbiet kull staġun kif ukoll akkademja għall-etajiet iż-żgħar. Is-sistema fil-Youth Development għandha tinbidel f’waħda ta’ żewġ kategoriji li huma l-‘elite’ u ‘football for all’ biex tlaħħaq skont il-livelli.” Hu kompla li l-klabbs fid-diviżjonijiet iż-żgħar mhux obbligati li jkollhom nursery iżda timijiet li jkunu promossi jridu jkunu konformi mar-regoli inkella ma jkunux jistgħu jilagħbu fid-diviżjoni.
Dwar il-kwistjoni tal-plejers barranin, il-kowċ ta’ 50 sena ma jaqbilx li għandha tinfetaħ mingħajr limitu għar-raġuni li l-bżonnijiet tal-pajjiż huma differenti minn ta’ pajjiżi Ewropej u għandna nipproteġu t-talent lokali. Hu jemmen ukoll li l-klabbs għandhom ikunu inċentivati biex jużaw it-talent żagħżugħ.
Zammit ta ħarsa lejn il-kampjonati fl-Albanija, l-Andorra, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Bożnija, il-Kroazja, Ċipru, l-Estonja, il-Gżejjer Faroe, Georgia, Ġibiltà, l-Irlanda ta’ Fuq, Każakistan, il-Kosovo, il-Latvja, il-Litwanja, il-Slovakkja, is-Slovenja u Wales. Inċidentalment, l-ebda kampjonat minnhom ma għandu 14-il tim bħalna. Hemm nazzjonijiet li l-popolazzjoni tagħhom hi ferm akbar minn tagħna u dawn il-kampjonati mhux meqjusa mal-aqwa.
Il-ħidma fit-timijiet nazzjonali
Paul Zammit iqis il-ħatra imminenti ta’ Direttur Tekniku bħala importanti ħafna u għalih ma tagħmilx differenza jkunx Malti jew barrani iżda l-importanti hu li jkun kompetenti u jkollu tim tekniku miegħu li jimxi mal-pjan. Hu semma b’mod partikolari eks plejers b’esperjenza kbira fil-futbol Malti li qatt ma kienu kkunsidrati li jiffurmaw parti minn tim tekniku u konsultattiv fl-MFA. Paul Zammit iċċara li t-tim nazzjonali preżenti ma għandux jaħti għad-diżappunt tal-aħħar riżultati iżda qal li dan hu biss il-prodott finali. Hu saħaq li riżultati aktar pożittivi jistgħu jintlaħqu biss jekk il-plejers ikunu aktar preparati għaliex telgħu fi struttura li tista’ tippreparahom.
“L-MFA għandha tinvesti ħafna aktar flus biex it-timijiet nazzjonali tagħna speċjalment dawk tal-U21, U19 u U17 jilagħbu ħafna aktar partiti internazzjonali ta’ ħbiberija. Dan biex ikabbru l-esperjenza u jkunu ppreparati aħjar għal-logħbiet ta’ kwalifikazzjoni għaliex iż-żgħażagħ tagħna qed imorru għal dawn il-logħbiet mingħajr esperjenza.”
Fl-aħħar jiem kompliet tiżviluppa l-idea li jinħoloq tim Malti li jikkompeti fis-Serie Ċ tal-Italja. Paul Zammit jemmen li din tista’ tkun waħda mis-soluzzjonijiet imma jsostni li mhix soluzzjoni waħedha. Hu jittama f’garanzija ta’ kontinwità ta’ din l-idea b’timijiet ta’ taħt id-19 u s-17-il sena wkoll filwaqt li l-kowċis ta’ dawn it-timijiet iridu mhux biss imexxu lit-tim tagħhom imma wkoll jaħsbu fit-timijiet nazzjonali.
Paul Zammit temm li hu “persważ li hemm ideat oħra minn nies kompetenti li jekk inpoġġuhom flimkien, noħorġu bi pjan ċar u realistiku. Nemmen li ma aħniex nużaw iċ-ċokon ta’ pajjiżna fil-pożittiv għaliex f’pajjiż bħal tagħna, tista’ tkun ħafna aktar faċli li naħdmu flimkien. Sfortunatament sa issa ħdimna kulħadd għal rasu.”
//= $special ?>