Iċ-Ċina kienet magħżula biex torganizza l-ewwel edizzjoni b’format ġdid tat-Tazza tad-Dinja tal-klabbs b’24 klabb parteċipant li għandha ssir fis-sena 2021. Dan kien deċiż fil-laqgħa tal-FIFA li qed issir f’Shanghai. Iżda minkejja l-għażla tal-pajjiż organizzatur għad trid tittieħed deċiżjoni dwar kif se jingħażlu dawn l-24 klabb.
Dawn se jkunu rapreżentanti tas-sitt konfederazzjonaijiet li huma fi ħdan il-FIFA. Jidher li hemm ftehim li l-iktar konfederazzjoni importanti, l-UEFA se jkollha tmien postijiet, iżda jidher ukoll li vot finali ma ttieħidx minħabba l-konfederazzjoni tal-Oceanja.
Fil-proposta preżenti l-Oceanja se jkollha klabb wieħed biss li jista’ jieħu sehem. Dan se jkun ir-rebbieħ taċ-Champions League tal-Oceanja li iżda biex jieħu sehem irid jilgħab play-off maċ-champion taċ-Ċina li hu l-pajjiż organizzatur, xi ħaġa li l-Oceanja ma tridx fejn din qed tinsisti li jkollha rappreżentant tagħha garantit fit-turnament finali.
Jidher li l-FIFA qed tippjana li torganizza din l-ewwel edizzjoni bejn is-17 ta’ Ġunju u l-4 ta’ Lulju 2021, fid-dati li kienu riservati għat-Tazza tl-Konfederazzjonijiet li mhux se tibqa’ tiġi organizzata. Dawn id-dati jistgħu joħolqu problemi għal CONCACAF u l-konfederazzjonai tal-Africa CAF, li għandhom il-kampjonati tagħhom li se jibdew fid-9 ta’ Lulju.
Din il-kompetizzjoni ġdida mistennija li tibda tkun organizzata kull erba’ snin, kontra kif kien isir fil-passat fejn din il-kompetizzjoni kienet issir kull sena. Din il-kompetizzjoni tara l-oriġini tagħha għas-snin sittin meta r-rebbieħ tat-Tazza taċ-Champions kien jilgħab kontra r-rebbieħ tal-Copa Liberatadors għat-Tazza Interkontinentali, li kienet meqjusa bħala Tazza tad-Dinja tal-klabbs.
Din tul is-snin kibret u bidlet il-format biex fl-aħħar snin bdiet issir f’turnament żgħir bejn il-klabbs rebbieħa taċ-champions League ta’ kull konfederazzjoni. Din se tibqa ssir hekk fil-Qatar f’Diċembru li ġej u f’Diċembru tas-sena d-dieħla qabel l-introduzzjoni ta’ din il-manifestazzjoni miftuħa għal 24 klabb.
Ħarsa lejn kif jistgħu ikunu assenjati dawn l-24 post:
UEFA: Din mistennija li jkollha tmien klabbs fil-fażi finali, li dawn mistennija li jkunu r-rebbieħa taċ-Champions League u l-Europa League. Għad mhux magħruf jekk il-UEFA hux se ddaħħal xi mekkaniżmu biex tillimitha l-preżenza ta’ ħafna klabss mill-istess pajjiż, u dan għaliex l-Ingilterra u Spanja prattikament iddominaw l-aħħar snin. Lanqas mhux ċar kif se ssir l-għażla meta klabb jirbaħ iktar minn trofew wieħed fil-perjodu ta’ erba’ snin qabel tibda din il-kompetizzjoni.
CONEMBOL: Jidher li l-konfederazzjoni tal-Amerika Latina se jkollha sitt postijiet fejn għadu mhux ċar kif se jkunu assenjati tnejn mill-postitjiet. L-erba’ postijiet l-oħra jidher li se jkunu meħuda mir-rebbieħa tal-Copa Liberatdores u l-Copa Sudamericana fis-snin 2020 u 2021. Dawn huma l-iktar żewġ kompetizzjonijiet importantiu fl-Amerika t’Isfel.
ASJA: Il-konfederazzjoni Asjatika se jkollha tliet parteċipanti li se jkunu r-rebbieħa taċ-Champions League tal-Asja ta’ din is-sena u s-sena d-dieħla, filwaqt li l-finalisti telliefa jilagħbu play-off biex jakkwistaw it-tielet post.
CONCACAF: Din il-konfederazzjoni wkoll se jkollha tliet rappreżentatnti bir-rebbieħa tal-aħħar sentejn taċ-Champions League tal-CONCACAF garantiti mill-parteċipazzjoni. Għad mhux magħruf xi proċess se jsir biex jintgħażel it-tielet rappreżentant.
AFRIKA: Dawn ukoll se jkollhom tliet rappreżentanti u jidher li bħall-CONCACAF se jkunu l-aħħar żewġ rebbieħa taċ-Champions League Afrikana li jieħdu sehem, bit-tielet tim ikun magħruf wara play-off bejn il-finalisti telliefa.
OCEANIA: Kif ktibna iktar ‘l fuq hawn jidher li hawn l-unika problema, fejn din il-konfederazzjoni trid li jkollha rappreżentant garantit, filwaqt li l-FIFA qed tippressa li jkun hemm play-off kontra ċ-champions tal-pajjiż organizzatur, f’dan l-ewwel każ iċ-Ċina. Ovvjament għall-interess speċjalment mil-lat finanzjarju hu mportanti li jkun hemm klabb tal-pajjiż organizzatur li jkun qed jieħu sehem, iżda mill-banda l-oħra ma tkunx ġusta lanqas li waħda mis-sitt konfederazzjonaijiet li jiffurmaw il-FIFA ma tkunx rappreżentata.