Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Grazio Mercieca rrevokat ordni ta’ sekwestru fil-konfront ta’ aġent tal-ivvjaġġar wara li tliet ‘nurseries’ tal-futbol minn klabbs differenti fetħu każ kontriħ fil-Qorti wara kanċellazzjoni ta’ titjiriet peress li ma kienux reġistrati taħt l-Att dwar l-Isport.
Il-każ Imur lura għal April ta’ din is-sena meta r-rappreżentant ta’ Pietà Hotspurs FC talab lill-aġent tal-kumpanija FSS sabiex jipprovdi titjira ‘charter’ għal 282 passiġġier minn Malta għal Aalborg fid-Danimarka.
Dan għaliex it-tim tal-Pietà kellu jieħu sehem f’turnament u għalhekk sar ftehim biex it-tim imur id-Danimarka fil-kompetizzjoni, hekk imsejjħa id-Dana Cup. Għal din it-titjira, ir-rappreżentant ħallas €66,270.
It-titjira qatt ma saret fost id-diżappunt tal-plejers u l-ġenituri. It-tliet nurseries kienu ppreżentaw ittra ġudizzjarja fil-Qorti u talbu għall-ammont imħallas u d-danni. Sadanittant, f’Lulju it-tliet nurseries ta’ Pieta Hotspurs, Hamrun Spartans u Birkirkara FC Youth Academy kellhom mandat ta’ sekwestru ta’ €160,000 milqugħ u dan bl-argumentazzjoni ta’ ksur tal-kuntratt.
Ir-rappreżentant kien ikkontesta dan is-sekwestru u għalhekk il-kwistjoni għaddiet fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, li fid-deċiżjoni tagħha qalet li kull att ġudizzjarju għandu jkun ippreżentat mill-partijiet infushom. Dan sakemm il-persuna inkwistjoni tinsabx barra minn Malta.
F’dan il-każ l-Imħallef argumenta li r-rappreżentanti tan-‘nurseries’ ma setgħux ikunu rappreżentati fil-Qorti b’dan il-mod. Qal ukoll li fil-kawża ma kien hemm ħadd li ppreżenta att ġudizzjarju f’isem it-tfal filwaqt li rrimarka li ma ġewx identifikati n-numru totali tal-persuni affettwati.
Għaldaqstant qalet il-Qorti, l-mandat ta’ sekwestru kien null. Fid-deċiżjoni tiegħu l-Imħallef qal ukoll li t-tliet ‘nurseries’ ma kienux irreġistrati taħt l-Att dwar l-Isport u għalhekk ma setgħux jippreżentaw proċedura legali f’isimhom. Fid-dawl ta’ dan kollu ġie rrevokat il-mandat ta’ sekwestru.
//= $special ?>