Illum fis-7.00pm fis-Sala tal-Parroċċa ta’ San Ġiljan issir il-Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ San Ġiljan ASC li fiha se jkun elett il-President il-ġdid tal-klabb wara li Daniel Aquilina kien ħabbar li mhux se jerġa’ jikkontesta. Il-kandidati għal din l-elezzjoni huma Peter Bonavia, Ramon Micallef u Edward Zammit Tabona.
Minħabba li tal-aħħar ma kienx ilu membru tal-klabb skont ir-regoli, Zammit Tabona jrid iġib iż-żewġ terzi tal-voti tal-membri biex ikun eliġibbli maż-żewġ kontestanti l-oħra, bir-rebbieħ imbagħad irid iġib il-maġġoranza tal-voti biex ikun elett President. Il-kumitat il-ġdid irid jiġi ffurmat minn 11-il membru.
Din l-elezzjoni hi importanti iżda wkoll missielta, speċjalment wara l-aħħar żviluppi fiż-żona Ġiljaniża. Dan wara li aktar kmieni dan ix-xahar l-awtorità tal-Ippjanar irċeviet applikazzjoni uffiċjali biex jibda jsir servizz marittimu ta’ hop-on hop-off fil-post bejn il-klabbs ta’ San Ġiljan u Neptunes. Ftit ġimgħat ilu, dan is-sit kien żvela l-idea tal-proġett u d-dubji ta’ min hu kontra li dan iseħħ. https://netnews.com.mt/2019/10/01/possibbilta-li-jkun-hemm-zewg-kandidati-biex-isiru-president-ta-san-giljan-asc/
San Ġiljan jinsabu fil-proċess biex jagħmlu l-proġett tal-pitch u għalhekk din il-possibbiltà qabel jinbena l-pitch, qed twassal għal dubji minn uħud li jiffrekwentaw il-klabb Ġiljaniż speċjalment ġenituri li t-tfal tagħhom jattendu n-nursery, minħabba l-effetti li jista’ jkollu dan il-proġett fuq is-saħħa u s-sigurtà fil-baħar. Jidher li l-kumitat ta’ San Ġiljan kien ivvota favur dan il-proġett, b’dawk favur Zammit Tabona qed jargumentaw li l-oġġezzjoni qed issir issa u mhux qabel.
Il-proġett se jsir xorta irrelevanti minn min ikun elett President. Hu mifhum li kemm-il darba Edward Zammit Tabona jkun elett President, il-klabb ta’ San Ġiljan se jkun qed jibbenefika minn sponsor tajjeb b’rabta ma’ dan il-proġett fiż-żona Ġiljaniża filwaqt li spekulazzjoni qed tgħid li l-isponsor jintilef jekk ma jkunx elett. Dan minħabba li l-istess Zammit Tabona hu involut fit-twettiq tal-proġett marittimu.
Fi stqarrija fuq il-paġna uffiċjali tal-klabb, kien ikkonfermat li l-Laqgħa Ġenerali Annwali se ssir kif ippjanat wara li ntlaħaq ftehim mal-membru Randolph Cauchi li permezz tiegħu rtira l-mandat ta’ inibizzjoni li għamel fil-konfront tal-klabb quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Civili. Dan hekk kif jidher li kien hemm diverġenzi bejn Cauchi u xi membri tal-kumitat.
//= $special ?>