Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Arresti b’konnessjoni mas-sejba tal-katavri fit-trakk

Żewġ persuni spiċċaw arrestati fuq suspett dwar sehem fil-qtil involontarju ta’ 39 persuna li l-katavri tagħhom instabu, jiem ilu, ġo trakk tal-friża, fl-inħawi ta’ Essex.

L-arrestati — mara u raġel minn Warrington, f’Cheshire  — kienu qed jinżammu wkoll fuq suspett ta’ ‘kumplott għat-traffikar ta’ bnedmin’.

Dan meta l-Pulizija kienet għadha tinterroga lix-xufier tat-trakk li hu suspettat dwar omiċidju.

Il-vittmi fit-trakk – 31 irġiel u tmien nisa – x’aktarx li kienu kollha Ċiniżi. It-‘trakk tal-mewt’ kien instab nhar l-Erbgħa, viċin iz-zona industrijali ta’ Grays.

Il-Pulizija, intant, ingħataw estensjoni għall-perjodu permess għall-interrogazzjoni tax-xufier tat-trakk li ġej minn Armagh, fl-Irlanda ta’ Fuq, u wara li hu kien spiċċa arrestat f’nofs il-ġimgħa.

L-awtopsji fuq il-katavri tat-trakk kienu mistennija jibdew wara t-trasferiment tal-ewwel ħdax il-vittma minn Tilbury Port għall-Isptar ta’ Broomfield, f’Chelmsford.

It-trakk inkwistjoni kien wasal f’Purfleet, maġenb ix-Xmara Thames, minn Zeebrugge, fil-Belġju, fis-sigħat bikrin tal-Erbgħa.

Intant, jidher li x-xufier tat-trakk kien telaq mill-port fl-istess jum – bil-katavri jinstabu ‘minuti wara’ meta t-trakk kien qiegħed fil-Park Industrijali ta’ Waterglade.

Il-Pulizija ta’ Essex qalu li qed jippruvaw jiffinalizzaw ‘iċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ terribbli’, meta għaddejja l-akbar investigazzjoni dwar omiċidju fl-istorja tal-korp.