Lokali Parlament

Jeħtieġ investiment fiż-żgħażagħ, fir-riċerka u l-innovazzjoni

  • Ryan Callus, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus appella biex ikun hemm l-investiment meħtieġ fiż-żgħażagħ, fir-riċerka u l-innovazzjoni għaliex f’dawn is-setturi qed jaqgħu lura.

Fil-parlament Ryan Callus semma’ l-istratġeija nazzjonali tal-isport u qal li l-gvern għadu biss beda l-konsultazzjonijiet dwar din l-istrateġija u mhux minnu li l-gvern għandu din l-strateġija lesta. L-Oppożizzjoni ppreżentat 32 proposta iżda l-gvern għadu beda biss kampanja ta’ propoganda dwarha u m’hemm l-ebda sustanza.

Id-deputat Nazzjonalista semma’ t-trakka tal-karozzi u l-muturi u qal li minkejja l-wegħdi, il-gvern għadu qed jgħid li se jispeċifika fejn din se ssir. Il-PN jaqbel ma’ din it-trakka iżda għandu jkun garantit li ma tikkaġunax inkonvenjenti u li tkun mgħammra bl-aqwa faċiltajiet għad-dilettanti.

M’hemm xejn ukoll fuq il-korsa taż-żwiemel, sostna Ryan Callus, li qal li l-Oppożizzjoni mhix kuntenta dwar ċertu aspetti li hemm fil-kuntratt tal-privatizzazzjoni tal-korsa tal-Marsa. Fost dawn hemm il-flus marbuta mal-premjijiet. L-Oppożizzjoni qatt ma qalet li trid li din il-korsa issir bla permessi iżda jidher li l-kuntratt għadu mhux iffirmat.

Hu qal li fil-pitch tar-rugby f’Kordin, kien il-Ministru Konrad Mizzi li fl-2017 għamel xi xogħlijiet żgħar ta’ tigrif tal-wiċċ iżda hemm abbandun. Hu semma’ l-boċċi dromore u qal li m’hemm xejn dwar din fil-budget.

Id-deputat Nazzjonalista qal li tajjeb li saret strateġija għall-e sports u tkellem dwar kif Malta tinsab fost l-inqas pajjiżi li tinvesti fl-isport bi €32 għal kull persuna. Malta tinsab r-raba’ mill-aħħar fl-UE fl-investiment f’dan is-settur. Dan ma jawgurax tajjeb għall-ispazji miftuħa għaliex il-pajjiż għandu arja li qed jiddeterjora fejn il-gvern hu mpenjat biss li jwessa’ t-toroq biex l-poplu juża’ iktar il-karozzi tiegħu. Dan qed iwassal għal tniġġiż fl-arja u iktar nies ibatu bl-ażma.

Dan hu gvern bla pjan fejn is-soluzzjonijiet jinsabu biss fl-immedjat, sostna Ryan Callus, li tkellem ukoll dwar l-obeżità u qal li l-gvern għandu ma implimentax ċertu aspetti tal-liġi dwar il-ħajja sana.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-idea li t-tim nazzjonali Malti jilgħab fl-Italja hi proposta tal-MFA u assolutament mhux tal-gvern. Hu smema’ rapport li sar mill-Istitut tal-Wellbeing fl-Univeristà li tratta s-solitudni fost iż-żgħażagħ fejn jirriżulta li żagħżugħ minn kull tlieta jħossuhom weħidhom sal-eta ta’ 19-il sena waqt li sal-eta’ ta’ 25 sena hemm żagħżugħ minn kull erba’ li jħossuhom weħidhom.

Din hi problema li qed tinħass fis-soċjetà. Madwar 37% taż-żagħżagħ ta’ bejn il-11 u d-19-il sena jħossu n-nuqqas ta’ kumpanija tajba f’ħajjithom. Dan hu falliment tas-soċjetà u tal-istituzzjonijiet Maltin, sostna Ryan Callus, li kompla li terz taż-żgħażagħ qed iħossu li m’hemmx skop f’ħajjithom.

Hu semma’ s-saħħa mentali u qal li hawn wieħed mill-ħames żgħażagħ isofru minn xi forma ta’ dipressjoni; dan ifisser 20%. Din ir-rata hi t-tielet l-ogħla fl-Ewropa. Fl-etajiet ta’ 12 u 13-il sena Malta għanda l-iktar rata ta’ obeżità fost l-UE kollha. Dan hu falliment ieħor tas-soċjetà Maltija.

Dwar ir-riċerka u l-innvoazzjoni, Ryan Callus qal li mill-2012, il-persentaġġ ta’ investiment fir-riċerka fl-ekonomija qed jonqos kull sena. Fl-2012 l-injezzjoni ta’ investiment fis-settur tar-riċerka mill-gvern u l-privat kienet ta’ 0.83% paragunat mal-GDP waqt li fl-2013 din kienet 0.77%, fl-2015 kienet 074%, fl-2016 kienet 0.57% u fl-2017 kienet 0.54% meta l-miri maqbul mal-UE hu ta’ 2%.

Minbarra n-nuqqas tal-gvern li fl-aqwa żmien inaqqas l-investiment fl-innovazzjoni fir-riċerka jirriżulta wkoll li m’hemmx ċans li Malta tirrispetta l-mira maqbula mal-UE biex dan l-investiment ikun ta’ 2%. Il-problema hi nuqqas ta’ rieda politika, sostna Ryan Callus, li staqsa jekk il-kumpaniji li ġejjin f’Malta hux qed jinvestu fir-riċerka barra minn Malta.