Ambjent Lokali

Jirriżenja Johann Buttigieg mill-Awtorità tal-Ippjanar

Impjieg ġdid jistenna lil Buttigieg fiċ-Ċivil wara li ħalla madwar €275 kuljum warajh

Johann Buttiġieġ se jħalli warajh madwar €275 kuljum fil-kariga bħala Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar għall-impjieg ġdid fiċ-Ċivil.

Fi stqarrija tal-Awtorità tal-Ippjanar intqal li din id-deċiżjoni ttieħdet bi qbil bejn iż-żewġ partijiet, iżda imkien ma ssemma għal liema impjieg se jerħila Johann Buttiġieġ

Buttiġieġ, li nħatar direttament mill-Gvern Laburista bħala l-ewwel Kap Eżekuttiv ta’ din l-Awtorità minn mindu neħħa l-ambjent minn mal-ippjanar, jibqa’ mfakkar għall-bosta deċiżjonijiet xokkanti li ħadet l-Awtorità taħt it-tmexxija tiegħu, b’rekord ta’ permessi maħruġa fil-qasam tal-kostruzzjoni u b’nuqqasijiet serji fit-tmexxija tagħha.

Każ klassiku kien meta Johann Buttigieg awtorizza l-ħlas ta’ €8750 biex jintuża jet privat sabiex iwassal lejn Malta u lura lejn Sqallija lill-membru tal-Bord, Jacqueline Gili, li kienet tinsab fuq btala privata, biex tivvota fuq il-proġett fuq l-art tal-ITS.

Huwa se jkun qed iħalli warajh pakkett finanzjarju totali ta’ €100,000 fis-sena, wara li kien ingħata żieda ta’ €20,000 fis-sena talli l-isem tal-kariga tiegħu nbidlet minn Kap Eżekuttiv għal Chairman Eżekuttiv lura fl-2014.