Ekonomija Kummerċ Lokali

Kważi nofs il-kumpaniji f’Malta jemmnu li pajjiżna mhux se jibqa’ attraenti daqs illum

Huma biss ftit iktar minn nofs il-kumpaniji li joperaw f’Malta li jemmnu li,
fit-tliet snin li ġejjin, pajjiżna se jibqa’ attraenti għan-negozju tagħhom daqs kemm hu llum il-ġurnata.

Dan joħroġ minn survey ippubblikat ta’ kull sena minn EY li juri wkoll tnaqqis ta’ 7% f’sena fil-kumpaniji lokali li jiddikjaraw li għandhom pjan li jkabbru l-operat tagħhom.

Is-survey jagħti diversi raġunijiet għal dan, fosthom li l-framework politiku, legali u regolatorju għadu mhux tal-livell ta’ dak f’pajjiżi oħra.

kont is-survey, probema ewlenija għal Malta hi li pajjiżna għandu nuqqas kbir ta’ kwalitajiet tal-ħaddiema lokali għax-xogħol li għandhom bżonn il-kumpaniji f’dak li jidher ovvju bħala falliment tal-Gvern fis-settur tal-edukazzjoni.

Filfatt il-Gvern mhux ilaħħaq mal-bżonnijiet tal-kumpaniji li joperaw minn Malta tant li kien hemm żieda ta’ 9% f’dawk li semmew il-bżonn li tingħata importanza lill-kapaċitajiet tal-ħaddiema u l-edukazzjoni. Huma biss 27% tal-kumpaniji lokali, 18% inqas f’erba’snin li jiddikjaraw li qed isibu l-ħaddiema li għandhom bżonn.

63% ta’ dawk li pparteċipaw f’dan is-survey isemmu nuqqas ta’ talent bħala l-ikbar riskju għall-iżvilupp tagħhom, biċ-ċifra tfisser żieda importanti ta’ 23% iktar f’sentejn.

Kumpaniji lokali jwiddbu wkoll lill-Gvern li qed jaqa’ lura milli jlaħħaq mal-bidliet internazzjonali tant li f’dan il-qasam kien hemm tnaqqis ta’ 10% f’dawk li jemmnu li l-Gvern qed ilaħħaq mal-bidliet regolatorji.

37% biss jemmnu li l-framework leġiżlattiv ta’ pajjiżna għandu vantaġġ kompetittiv internazzjonali, li jfisser tnaqqis ta 19% minn 2018.

Il-Gvern qed ifalli anke fis-settur tat-trasport u l-infrastruttura hekk kif, minkejja l-ftaħir kollu, 19% biss jgħidu li huma kuntenti b’dan il-qasam, li jfisser 13% inqas mill-2017.

Xejra inkwetanti, li ssegwi aħbarijiet negattivi tal-aħħar jiem dwar tkeċċijiet minn kumpaniji tal-Igaming u tnaqqis fil-valur tax-shares tal-istess kumpaniji, kienet konfermata wkoll f’dan is-survey. Dan għaliex kien hemm tnaqqis ta’ 11% f’dawk li rrispondew li dan is-settur se jkun wieħed ewlieni għal Malta fil-ħames snin li ġejjin.