Missier ta’ seba’ wlied li dam jgħix Malta għal 20 sena tilef il-battalja legali biex jibqa’ fil-pajjiż u dan wara li l-Qorti ddikjarat li t-tkeċċija tiegħu minn Malta ma kisritlux id-drittijiet fundamentali tiegħu. Dan wara li l-Qorti qalet li qatt ma kien bniedem eżemplari, abbanduna l-familja li batiet minħabba fih.
Ir-raġel li huwa Eġizzjan, li ismu ma jistax jissemma biex tiġi salvagwardjata l-identità tat-tfal li baqgħu jgħixu Malta, kien ippreżenta kawża Kostituzzjonali fejn kien talab lill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni minħabba li r-ripatrijazzjoni tiegħu skont hu kienet qed tikser id-dritt tal-ħajja tiegħu u tal-familja tiegħu, u li dan kollu kien jammonta għal trattament inuman u degradanti.
Huwa kien ġie deportat minn Malta aktar kmieni din is-sena, qabel mal-każ tiegħu kien ġie deċiż. Huwa kien rabba wkoll seba t’itfal flimkien ma’ martu. Madankollu r-relazzjoni tagħhom tkissret wara li fl-2016 il-mara kienet qed tfittex refuġu f’xelter wara diversi episodji ta’ vjolenza domestika.
Hija kienet ħadet magħha erba’ minn uliedha taħt l-età li kellhom 11, disa’ sebgħa u ħames snin rispettivament fejn aktar tard kienet ingħatat il-kustodja tagħhom wara sentenza mill-Qorti.
Wara fl-2017 r-raġel ħa d-divorzju u żżewweġ mara oħra. F’Ġunju tal-2013 huwa kien spiċċa l-ħabs bl-awtoritajiet joħorġu ordni biex jirritorna l-Eġittu. Huwa pprova jikkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-Bord tal-Appell tal-Immigrazzjoni, li sentejn ilu, ma laqgħux it-talba li kien għamel. Talba lill-Bord tal-Appell għar-Refuġjati wkoll ma ntlaqgħetx, li kien ifissier li huwa ġie mċaħħad milli jkollu status ta’ refuġjat.
Sadanittant huwa fetaħ proċeduri Kostituzzjonali fejn qal li l-ordni li jitkeċċa minn Malta fejn huwa qatta’ l-aħħar 20 sena kienet tmur kontra d-drittijiet tal-bniedem. Huwa argumenta li jikkonsidra lilu nniffsu bħala ċittadin Malti u li kien se jsibha diffiċli biex jingħata sapport ekonomiku jekk imur lura f’pajjiżu.
Madankollu, fuq il-bażi tal-provi mressqa, l-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, preseduta mill-Imħallef Grazio Mercieca, qalet li l-awtoritajiet imxew skont il-liġi u li d-deċiżjoni tagħhom kienet waħda ġustifikata.
Fis-sentenza ngħad ukoll li minkejja li huwa qal li jaħdem ħafna għall-familja, fil-fatt kien ħadem sporadikament, jimxi minn post tax-xogħol għall-ieħor, u ġeneralment kien jaħdem fuq bażi ‘part-time’. Dan kollu huwa ppruvat mill-istorja tiegħu fil-qasam tax-xogħol. Mhux talli hekk talli martu kienet li tgħajjex il-familja.
L-eks raġel tagħha kien jonqos li jħallas l-‘allowance’ għall-manutenzjoni u anke kien joġġezzjona fuq il-fatt li uliedu jmorru l-iskola. Aktar minn hekk, huwa mmanifesta karattru xejn feliċi, huwa dgħajjef fejn tidħol kriminalità u li jaqa’ malajr fejn tidħol ksur ta’ liġi.
“Storja ta’ atti kriminali ripetuti u azzjonijiet tiegħu li kienu jfissru theddida għas-sigurtà tal-pubbliku w d-dritt li kull persuna li tgħix Malta, tagħmel dan mingħajr biża u paċi. Ma jistax jingħad li huwa lgħab xi rwol ċentrali u mportanti dwar kif rabba t-tfal b’mod eżemplari,” qalet il-Qorti, u sabet it-talba tiegħu ta’ ksur ta’ dritt għall-ħajja familjari mill-aktar ‘diżgustanti’.
L-azzjonijiet tiegħu wasslu lill-familja tiegħu f’sitwazzjoni prekarja, qalet ukoll il-Qorti, li sostniet li l-awtoritajiet Maltin għamlu xogħolhom b’mod paċenzjuż u meqjus u huwa żgur li dak li sar ma jammontax għal trattament inuman u degradanti.
//= $special ?>