Lokali Parlament Qorti

L-Oppożizzjoni trid tara llum qabel għada titjib sostanzjali fil-qasam tal-ġustizzja

L-Oppożizzjoni f’isem il-poplu kollu Malti trid tara, llum qabel għada, titjib sostanzjali fil-qasam tal-ġustizzja. Stqarr dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia llejla fil-Parlament. Hu kompla li jidher ċar li fil-qasam tal-ġustizzja l-Ministru responsabbli għalih ftit li xejn jaf x’qed jiġri fil-Ministeru tiegħu għax il-budget f’dan is-settur huwa wieħed bla viżjoni. La jipprova jidentifika l-problemi eżistenti u wisq anqas ma jindirizzhom biex isolvihom. Huwa budget xott, nieqes minn proposti maħsuba sew, konkreti u li jagħtu l-frott. Jinsa’ għal kollox l-uġigħ tal-poplu fis-settur tal-ġustizzja.

Adrian Delia kompla li dan il-Gvern li jiftaħar li huwa business friendly, fil-qasam tal-ġustizzja jfalli bil-kbir għax kull min għandu jiġbor flusu jridu jgħaddi minn dewmien esaġerat biex jagħmel dan. Kull min jipprova jfittex il-ġustizzja ma jsibhiex jew isibha tard ħafna. Il-poplu dejjem igorr fuq id-dewmien fil-qrati iżda l-Ministru mhux qed jisma’ l-karba ta’ uġigħ tal-poplu jew jekk qed jismagħha kulma qed jagħmel huwa li jdawwar ħarstu band’oħra qisu m’hu qed jiġri xejn ħazin f’dan il-qasam, qisu kollox miexi kif suppost.

Waqt id-diskors tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni semma ftit min dawn il-problemi li l-budget ma jindirizzax:

–          Dewmien esaġerat fil-qrati

–          Ċentru ta’ medjazzjoni li falla fil-missjoni tiegħu

–          Computerisation fjakk filqrati:

1.      Mhux is-sentenzi u d-digrieti kollha qed jittellgħu fuq il-website tal-justiceservices.gov.mt. Dan qed johloq inkonvenjent ghal kull min jixtieq jinqeda minn dan is-servizz. Gvern Nazzjonalista kien għamel dan l-investiment mit-taxxi tal-poplu u l-Gvern Laburista mhux qed jagħmel l-almu kollu tiegħu biex jiżgura li ċ-ċittadin ikollu aċċess u fil-pront għas-sentenzi u d-digreti tal-qrati.

2.      Il-paġna tal-judgments online tal-Court Services hija waħda rudimentali għall-aħħar.

3.      Il-każistika f’din il-website lanqas hi kompluta għax ma tinkludix l-każistika kollha ppubblikata peress dik li teżisti fuq il-website hija dik mill-1950s ‘il quddiem.

4.      Hemm ukoll sentenzi oħra li qatt ma ġew ippubblikati u huma minsija, qishom qatt ma eżistew minkejja l-valur li dawn għandhom.

5.      Il-liġijiet ta’ Malta m’humiex kompluti. L-Atti tal-Parlament jibdew mill-1964 ‘il quddiem iżda liġijiet ta’ qabel din is-sena wkoll m’humiex disponibbli għaċ-ċittadin.

6.      Meta dan il-Parlament jabroga l-liġi, it-test ta’ dik il-liġi jitneħħa u b’hekk ħadd ma jkun jista’ jara l-aħħar verżjoni ta’ dik il-liġi.

7.      Id-diary system li suppost li hija sistema biex tiżgura l-aqwa ppajanar tal-kawżi kollha fil-qrati mhux qed tintuża kif suppost.

8.      L-aħħar edizjoni riveduta tal-liġijiet ta’ Malta tmur lura għall-1984 u min dak iż-żmien ‘l hawn għaddew ħamsa u tletin sena.

9.      Mhux qed jiġi ppreżentat, għallinqas darba fis-sena, abbozz ta’ liġi biex inaddaf il-ktieb tal-ligijiet minn dawk il-ligijiet li jkunu ħadu l-kors tagħhom, liġijiet li jkunu anakronistiċi u liġijiet li ma jkunx għad hemm aktar użu għalihom.

10.  L-Abbozz ta’ Kodiċi Amministrattiv li kien ġie ppreżentat lill-Kumitat tal-Kamra dwar il-Kodifikazzjoni tal-Liġijiet u li l-Gvern Laburista fil-manifest elettorali tiegħu tal-2013 qal li se jgħaddih bħala liġi, sal-lum għadu qatt ma ra d-dawl tax-xemx.

11.  Numru mir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Bonello tal-2013 intiżi biex iħaffu l-proċeduri fil-qrati u biex b’hekk iċ-ċittadin jingħata servizz aħjar baqgħu fuq l-ixkaffa. Tnejn minn dawn il-miżuri huma: L-ewwel, ir-rakkomandazzjoni li tipproponi li meta l-Prim Awla tal-Qorti Civili, Sede Kostituzzjonali, u l-Qorti Kostituzzjonali, jiddikjaraw liġi li tmur kontra l-Kostituzzjoni, dik il-liġi tkun torbot lil kulħadd u mhux lill-partijiet f’dik il-kawża. It-tieni, li l-ġudikanti li jippresjedu l-Qorti Kostituzzjonali għandhom jpoġġu biss f’dik il-qorti u fl-ebda qorti oħra. Dan sabiex ma jkunx hemm backlog f’dik il-qorti.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li minn din il-lista ta’ problemi fil-qasam tal-ġustizzja konklużjoni waħda toħroġ, li l-qasam tal-ġustizzja huwa minsi minn dan il-Ġvern. Għalhekk, b’mod pożittiv u kostruttiv, l-Oppożizzjoni qed tipproponi dan li ġej:

–          Tisħiħ ta’ forom alternattivi ta’ dispute resolution

–          Numru ta’ reati li l-pieni taghhom huwa zghir u li ma jinvolvux piena ta’ habs ghandhom jigu dipenalizzati.

–          IdDewmien fil-qrati għandu jiġi evitat

–          Użu aktar effiċjenti tatteknoloġija tal-informazzjoni

–          Tiġi ppubblikata edizzjoni riveduta tal-liġijiet ta’ Malta.

–          Għandu jiġi regolat b’liġi l-kontenut ta’ affidavit biex jiżgura li dan ikun hemm jindirizza l-oġġett tal-kwistjoni u mhux affarijiet għal kollox irrelevanti.

–          M’għandux jitħalla li l-kontro-eżami jiġi riżervat.

–          Tisħiħ tal-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali u tal-Prosecution Unit fil-Korp tal-Pulizija

–          Maġistrat Inkwirenti għandu jaqdi doveri ta’ Maġistrat Inkwirenti u ta’ xejn aktar.

–          Taħriġ għall-Esperti

–          Implimenmtazzjoni tar-rakomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja

Dawn huma biss uħud mill-miżuri li huma għal kollox nieqsin minn dan il-budget u li l-Ministru Bonnici għandu jaħdem fuqhom fis-sena 2020 temm jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni.