Ekonomija Kummerċ Lokali

“Nemmnu li nistgħu flimkien insaħħu lil pajjiżna” – Adrian Delia

Ritratt: Matthew Tabone
"Se nibqgħu niddefendu r-reputazzjoni ta' Malta"

Pajjiżna għandu bżonn isaħħaħ il-liġijiet tiegħu u jsaħħaħ ir-reputazzjoni jekk irridu li nkomplu nappoġġjaw lill-kumpaniji lokali bi framework robust. Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt il-konferenza annwali organizzata mid-ditta EY fejn kien ippreżentat survey li wera li pajjiżna sar inqas attraenti milli kien fl-2018.

Meta kien qed jitkellem dwar il-ħaddiema lokali, Adrian Delia qal li hemm bżonn li jsir upskilling u reskilling flimkien ma’ investiment fl-edukazzjoni biex il-ħaddiema tagħna jaqilgħu aħjar.

Adrian Delia kompla li l-Oppożizzjoni tinsisti li hemm bżonn bilanċ li jwassal għal iktar xogħol ta’ kwalità. Dan hu rifless ukoll fis-survey ta’ EY li juri li 65% tal-kumpaniji jiddikjaraw nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet bħala problema ewlenija li qed ittellifhom milli jikbru.

Waqt din il-konferenza, il-Kap tal-Oppożizzjoni esprima wkoll tħassib fuq ir-reputazzjoni fis-settur finanzjarju ta’ Malta u kif il-ħsara tista’ tibda tissewwa jekk il-Gvern jagħti sinjali pożittivi li qed jieħu l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u jassigura governanza tajba bis-serjetà.

Dan filwaqt li identifika oqsma bħar-riċerka u l-iżvilupp, l-industrija tal-films kif ukoll in-knowledge based industry bħala setturi ta’ żvilupp.