Hemm bżonn li Malta u Għawdex iħaffu iktar l-isforzi tagħhom biex jadattaw l-ekonomija tagħhom, ‘l bogħod minn mudell lineari, lejn mudell sostenibbli, qalet illum il-Membru tal-Parlament Ewropew għal Malta u Għawdex Roberta Metsola waqt li kienet qed tindirizza l-EY Malta Attractiveness Event 2019.
“L-uniku mod kif l-ekonomija ta’ Malta u Għawdex tkun lesta għall-ġejjieni huwa li ġenwinament inbiddlu l-politika ekonomika tagħna, lejn ekonomija ċirkolari vera b’sostenibbiltà fil-qalba tal-politika ekonomika kollha. Dan huwa l-mod ta’ kif inwieġbu l-mistoqsija antika u perenni dwar kif nistgħu nissodisfaw l-ħtiġijiet tal-lum mingħajr ma nikkompromettu l-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri. Iva, nistgħu nsalvaw l-ambjent tagħna u nkabbru l-ekonomija tagħna fl-istess ħin, iżda rridu nkunu aktar intelliġenti milli konna sissa,” qalet il-MPE Metsola.
“Il-bidla sostanzjali minn ekonomija lineari għal dik ċirkolari tagħmel ġid mhux biss ambjentali iżda frankament tagħmel sens ukoll mil-lat ekonomiku. Dan huwa l-uniku mod ta’ kif inkabbru l-ekonomija tagħna b’mod verament sostenibbli. Hija viżjoni ekonomika li toħloq l-impjiegi, tiġġenera sferi ġodda ta’ attività ekonomika u ssalva l-pjaneta. Ma nistgħux inmexxu l-ekonomija tagħna bħallikieku għadha fis-snin 90. Hemm bżonn li nimmodernizzaw u hemm bżonn li dan iseħħ minn issa,” enfasizzat l-ewroparlamentari Metsola.
Il-Kap tad-delegazzjoni Maltija fil-PPE, Roberta Metsola, tkellmet ukoll dwar il-projbizzjoni tal-Unjoni Ewropea fuq il-plastik għal użu uniku, u qalet li l-għan tal-UE huwa li żżid għal-erba’ darbiet l-kapaċità għar-riċiklaġġ tal-plastik sal-2030, f’liema punt l-impakkettar kollu tal-plastik li jidħol fis-suq intern tal-UE se jkun riċikklabbli jew jista’ jerġa jintuża. Hija qalet, “Ħloqna saħansitra suq ġdid u sfera ġenwinament sostenibbli u ġdida ta’ attività ekonomika u waħda li tibbenefika lill-ambjent tagħna”.
“Ħu l-kostruzzjoni, f’Malta għandna problema bl-iskart tal-kostruzzjoni, u l-ħsieb ewlieni tal-Gvern Malti hu fejn ser jarmih aktar milli kif ser jerġa’ jużah. Ħu Amsterdam. L-għan nazzjonali huwa li l-ekonomija Olandiża tkun kompletament ċirkulari sal-2050, billi tuża 50% inqas ta’ materja prima primarja sal-2030. Waħda mill-affarijiet li jużaw biex jilħqu din il-mira huwa li jużaw briks qodma moħmija għal xogħlijiet fl-isfera pubblika. B’hekk ħolqu mijiet ta’ impjiegi ġodda, solvew problema u ġġeneraw tkabbir ekonomiku. Irridu naħsbu b’dan il-mod jekk irridu nimxu ‘l quddiem,” qalet il-Membru Parlamentari Ewropew Metsola.
Filwaqt li enfasizzat l-urġenza tal-bidla, il-MPE Metsola qalet “Dan kollu m’huwiex faċli għax ifisser bidla fundamentali fil-mod ta’ kif aħna niddisinjaw, il-mod kif nipproduċu, il-mod kif nibnu, nikkunsmaw u niddisponu mill-prodotti tagħna. Għalkemm jiena konvinta li nistgħu nagħmlu din il-bidla sostenibbli, rridu nagħmluha issa. Jidhirli li huwa aħna l-aħħar ġenerazzjoni ta’ politiċi li nistgħu nagħmlu xi ħaġa dwar dan. Dalwaqt ser jasal iż-żmien li fih ma nkunux nistgħu nirritornaw lura.
//= $special ?>