Internazzjonali

Russja: Suldat joqtol tmien kollegi ġo bażi militari

Membru tas-servizzi armati tar-Russja fetaħ in-nar fuq il-kollegi ġo bażi militari fejn qatel tmien suldati — b’numru ta’ militar jispiċċaw midruba. L-attakk seħħ ġo zona lejn il-Lvant Imbiegħed tal-pajjiż.

L-ewwel rapporti qalu li l-aggressur, li qed jinżamm taħt arrest, seta’ kien qed ibati minn problemi tas-saħħa mentali.

Il-bażi fejn seħħet l-isparatura tinsab fil-villaġġ ta’ Gorny, fir-reġjun ta’ Transbaikal.

Is-suldat li spara — li daħal fl-Armata bis-sistema tal-lieva — ma kienx identifikat b’ismu. Dan fost rapporti li l-isparatura seħħet f’ħin meta s-suldat kien qiegħed għassa mal-bażi.