Budget 2020 Ekonomija Lokali

“Se nibqgħu niddefendu r-reputazzjoni ta’ Malta” – Adrian Delia

Pajjiżna għandu bżonn isaħħaħ il-liġijiet tiegħu u jsaħħaħ ir-reputazzjoni jekk irridu li nkomplu appoġġjaw lill-kumpaniji lokali bi framework robust.

Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt il-konferenza annwali organizzata mid-ditta EY fejn kien ippreżentat survey li wera li pajjiżna sar inqas attraenti milli kien fl-2018.

Meta kien qed jitkellem dwar il-ħaddiema lokali, Adrian Delia qal li hemm bżonn li tiżdied il-paga tal-ħaddiema li mhux ilaħħqu ladarba ma ġietx solvuta l-problema taż-żieda qawwija fil-prezz tal-proprjetà u l-kirjiet.

Qal li l-Oppożizzjoni mhux tissuġġerixxi li jitneħħew minn Malta l-ħaddiema barranin imma li hemm bżonn bilanċ li jwassal għal iktar xogħol ta’ kwalità. Dan hu rifless ukoll fis-survey ta’ EY li juri li 65% tal-kumpaniji jiddikjaraw nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet bħala problema ewlenija li qed ittellifhom milli jikbru.

Fid-dawl ta’ dan qal li hemm bżonn li pajjiżna jippjana ‘l quddiem b’impenn qawwi fl-edukazzjoni għall-ġid tal-industriji tal-futur.

Esprima wkoll tħassib fuq ir-reputazzjoni fis-settur finanzjarju ta’ Malta u kif il-ħsara li saret minn każi riċenti bħal dak tal-Bank Pilatus qed taffettwa l-futur tal-ħaddiema f’dan is-settur.

Dan filwaqt li appella lill-Gvern biex jaħdem iktar u jsaħħaħ setturi bħar-riċerka u l-iżvilupp, l-industrija tal-films kif ukoll in-knowledge based industry.

Appella wkoll biex l-Air Malta tissaħħaħ u biex il-Gvern jiżgura li l-linja nazjonali ta’ pajjiżna żżomm l-istatus li jixirqilha.

Waqt il-preżentazzjoni tar-Rapport Annwali minn EY