Madwar 40,000 persuna spiċċaw evakwati mid-djar tagħhom waqt li n-nirien li qabdu f’territorju aħrax komplew javvanzaw tul l-Istat ta’ Kalifornja.
Dan waqt li l-iskwadri għall-emerġenzi kienu qed isibuha diffiċli ferm biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni, bil-fjammi jaħkmu numru ta’ zoni ġodda huma u jeqirdu l-bini lejn in-naħa ta’ fuq u t’isfel ta’ dan l-Istat.
In-nirien qed jitmexxew mill-irwiefen li mistennija jżidu fil-veloċità fi tmiem il-ġimgħa.
Il-kriżi tan-nirien qed tiżviluppa meta Kalifornja għadha qed tistejqer mill-impatt terribbli tal-wildfires tas-sena l-oħra li kienu swew il-ħajja ta’ 100 persuna.
Intant, bħalissa, qed jaqbdu numru ta’ nirien separati li huma ta’ periklu kbir għall-ħajja u l-proprjetà f’Kalifornja.
In-nar imlaqqam Kincaid Fire, li qabad f’nofs il-ġimgħa, ilu l-jiem javvanza minn Sonoma County li hu reġjun famuż għall-produzzjoni tal-inbid waqt li nar ieħor – imlaqqam Tick Fire – ħalla ħerba fir-reġjun ta’ Santa Clarita.
Intant, l-inħawi f’San Bernardino County inħakmu mill-Old Water Fire, bir-riżultat li ngħalaq l-aċċess minn triq prinċipali b’kaġun tal-fjammi. Ir-rapporti rreferew ukoll għal ‘nirien sinifikanti’ f’San Mateo County, lejn in-Nofsinhar mill-belt ta’ Pescadero.
Rapporti mhumiex ikkonfermati qalu li n-nar ‘ta’ Kincaid’ żbroffa viċin stallazzjoni tal-elettriku li kien ġarrab il-ħsarat, iżda s’issa mhux magħruf x’wassal għan-nirien kbar l-oħra madwar Kalifornja. L-akbar inkwiet hu li l-irwiefen iferrxu l-fjammi fiz-zoni rispettivi tal-Istat.
Is-sitwazzjoni hi wkoll preokkupanti fin-neighbourhoods ta’ Santa Clarita, fejn tal-anqas 40,000 persuna kellhom jabbandunaw djarhom minħabba t-Tick Fire. Dan in-nar, fil-fatt, qabad f’wieħed mill-aktar reġjuni ffullati bir-residenti fl-Istat ta’ Kalifornja.
//= $special ?>