Kien il-jum tal-Ħamis. Jiena kont fir-raba’ sena tal-iskola sekondarja. Sa sentejn qabel nhar ta’ Ħamis ma kienx ikollna skola u jkollna nofstanhar is-Sibt imma minn sentejn ’l hawn beda jkollna skola l-Ħamis. Kont immur il-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl jew kif konna nsejħulu Sant’ Agata fir-Rabat. Konna ilna aktar minn xahar li bdejna s-sena skolastika, kollox kien normali dakinhar sakemm waranofsinhar bdiet nieżla x-xita. Xejn speċjali billi tinżel ix-xita imma għall-ħabta tal-erbgħa donnu dalam u x-xita żdiedet.
Aħna konna nispiċċaw mill-iskola fl-erbgħa u nofs. Ħriġna mill-iskola bil-ġiri u dħalna fil-karozzi tal-linja li kienu jintużaw bħala privates biex iwassluna lura lejn id-dar. Ix-xita kompliet tiżdied u x’ħin qbiżna s-Saqqajja u bdejna n-niżla ’l isfel sibna li xi knaten miċ-ċint tas-Saqqajja kienu waqgħu bil-maltemp u ma stajniex ngħaddu. Jien kont il-Prefect tal-private u għalhekk offrejt li ma’ xi oħrajn ninżel inwarrab il-ġebel min-nofs biex inkomplu triqitna lejn id-dar. Għadni niftakar l-ilma jgelgel bis-salt minn mal-ġenb tat-triq, nieżel b’saħħa tal-għaġeb u fi kwantità kbira. Bl-għajnuna t’Alla għaddejna minn din il-biċċa.
Ġbidna lejn Ħaż-Żebbuġ, ix-xita ma waqfet xejn. Konna diġà ttardjajna xi nofs siegħa fejn is-soltu u kif jgħid il-Malti; ix-xitan m’għandux ħalib imma jagħmel il-ġbejniet. F’nofs it-triq ta’ Ħaż-Żebbuġ nieħdu puncture u x-xufier f’dik ix-xita kellu jibdel ir-rota tax-xarabank. Nofs siegħa oħra taħt xita nieżla bil-qliel.
Sadattant kien dalam b’ruħ ommu u missieru minkejja li kienu għadhom xi ftit qabel is-sitta ta’ filgħaxija. Bit-twila u l-qasira waslana Ħal Qormi, ir-raħal tiegħi. Waqaft bħas-soltu fejn il-Vitorja u bdejt nieżel lejn id-dar tagħna li ma kinitx wisq bogħod mill-wied. Tista’ taħseb x’sibt! Ilma li qatt ma rajt bħalu,. X’nasal id-dar!
Kelli nieqaf ftit għexieren ta’ metri bogħod mid-dar sakemm wara xi ħin taffiet ix-xita, l-ilma beda jbatti minn ġot-triq u nilmaħ lil ommi ġejja tfittixni. Kont se ninża ż-żarbun u l-kalzetti. Għalfejn? Għasra kienu, xi tridni ninża? Wara xi tliet sigħat jew aktar wasalt id-dar.
Effetti
Dak il-jum jibqa’ f’moħħ min għexu bħalma għextu jien. Kien hemm erba’ vittmi li tilfu ħajjithom dakinhar kawża tal-maltemp, tnejn Maltin u tnejn barranin. Bosta karozzi nġarru bl-ilma. Saret ħafna ħsara.
L-artiklu sħiħ tista’ taqrah fil-ħarġa ta’ GĦADA ta’ In-Nazzjon
//= $special ?>