Lokali

WARA L-ISKANDLU ĠDID TAL-PASSAPORTI: Jiftaħar li Malta l-aqwa għall-bejgħ taċ-ċittadinanza

L-għada li nkixef l-iktar skandlu riċenti minn sensiela ta’ skandli dwar il-bejgħ tal-passaport Malti, il-Prim Ministru Joseph Muscat reġa’ nfexx jiftaħar kemm il-programm tal-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija huwa tajjeb.

Kien id-Deputat tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina li l-Ħamis fil-Parlament żvela kif Anatoly Borisovich Hurgin li twieled ir-Russja u għandu ċittadinanza Iżraeljana u cittadinanza Maltija mixtrija fl-2015, għamel dikjarazzjoni falza biex ħa d-dritt tal-vot fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet.

Hurgin, li qed jaffaċċja akkużi serji ta’ frodi fl-Istati Uniti u f’Iżrael, hu l-ħames wieħed fi ftit xhur li qed jaffaċċja akkużi kriminali minn fost dawk li saru Maltin billi ħallsu ghall-passaport.

Iżda l-Prim Ministru, quddiem esperti fin-negozju u investituri barranin, ftaħar kemm l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti hi tajba waqt li nħeba wara t-terminu IIP biex ma jużax il-kelma “bejgħ”.

“Nemmen li ġibna l-aqwa talent lejn Malta u li l-programm tagħna hu l-aqwa,” iddikjara l-Prim Ministru, waqt li nnota li “anke fl-aqwa programmi se jkollok id-diffikultajiet u l-isfidi. L-iskrutinju li nagħmlu aħna għamilna l-aqwa f’dan is-settur.”

Il-mexxej Laburista kien iffaċċjat ukoll minn mistoqsijiet dwar is-sitwazzjonijiet diffiċli fis-settur bankarju u finanzjarju lokali li qed jiżviluppaw minħabba l-ħsara li saret lir-reputazzjoni ta’ Malta bi skandlu wara l-ieħor fl-aħħar snin.

Iżda hawn ukoll farfar mir-responsabbiltà, u pprova jagħti x’wieħed jifhem li dan kollu hu tort tal-pajjiżi l-oħra, li skont hu qed jattakkaw lil Malta. “Hemm iffukar globali fuq is-setturi finanzjarji u madwar id-dinja għandek skrutinju qawwi,” stqarr Joseph Muscat.

Dan minkejja li l-fatti juru mod ieħor. Jekk wieħed iħares biss lejn il-każ tal-Bank Pilatus, li ħammar wiċċ Malta madwar id-dinja, dan il-bank kien fetah fi zmien Gvern Laburista. Biċ-Chairman tiegħu eventwalment jigi arrestat fl-Istati Uniti b’diversi akkużi serji. Hawn, il-Gvern ma kellux għażla ohra ħlief li jirrevokalu l-liċenzja, iżda l-ħsara kienet diġa saret.