Futbol Sport

Żewġ gowls kmieni jwittu t-triq għal rebħa kbira Furjaniża

(Ritratt: Matthew Tabone)

FLORIANA……………… 5

SENGLEA A……………. 0

Floriana: I. Akpan, A. Cini, E. Ruiz, J. Pisani, R. Camenzuli, M. Garcia (C. Borg 67’), D. Venancio, U. Arias (T. Vella 64’), B. Paiber (A. Caseres 46’), T. Fonseca, K. Keqi

Senglea: A. Curmi, M. Dias, S. Olberkis, D. Debono, M. Micallef (A. Spiteri 59’), D. Xuereb (N. Braunovic 72’), E. Sakyi, S. Cipriott, L. Grech (J. Tanti 46’), T. Marukawa, W. Zamble

Imwissija: E. Sakyi 40’ (S), R. Camenzuli 41’ (F)

Tkeċċa: E. Sakyi 54’ (S)

Skorjaw: K. Keqi 3’, 52’ pen, M. Garcia 7’, T. Fonseca 58’, T. Vella 73’ (F)

Referee: Malcolm Spiteri

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri, Theodore Zammit

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Diego Venancio (Floriana)

BOV Plejer tal-logħba: Kristian Keqi (Floriana)

Floriana komplew jikkonfermaw il-potenzjal tagħhom f’dan il-kampjonat hekk kif ftit sabu diffikultà biex għelbu lil Senglea Athletic 5-0. Fattur ewlieni li ppermetta lil Floriana jirbħu kien iż-żewġ gowls li skorjaw fil-bidu biex setgħu jikkontrollaw il-logħba aħjar.

B’din ir-rebħa, Floriana jinsabu sitt punti vantaġġ fil-quċċata. Din tista’ titqies bħala l-agħar prestazzjoni ta’ Senglea f’dan il-kampjonat mhux biss minħabba r-riżultat finali, iżda kienu ineżistenti għal ħafna mill-partita.

Vincenzo Potenza ħalla l-istess formazzjoni li għelbet lil Sirens 4-1 il-ġimgħa l-oħra. Fuq in-naħa l-oħra Mario Muscat għamel żewġ bidliet mir-rebħa ta’ 2-0 kontra Sliema Wanderers. David Xuereb u Leighton Grech bdew minflok Gonzalo Virano u Jose Teixeira.

(Ritratt: Matthew Tabone)

Floriana kellhom bżonn ftit aktar minn żewġ minuti biex fetħu l-iskor bi kross fil-baxx ta’ Brandon Paiber mil-lemin isib lil KRISTIAN KEQI li ltaqa’ mal-ballun u għeleb lil Anthony Curmi b’xutt fil-baxx. Il-Furjaniżi saħansitra rduppjaw fis-seba’ minuti meta kross perfett ta’ Diego Venancio mix-xellug sab lill-eks plejer MATIAS GARCIA li skorja b’daqqa ta’ ras fuq it-tieni lasta.

Ulises Arias falla l-mira b’daqqa ta’ ras fis-16-il minuta hekk kif il-Greens bdew jikkontrollaw lill-avversarji mingħajr ma jkunu perikolużi. Senglea żiedu fil-pussess tal-ballun iżda ftit kienu ta’ inkwiet għal Ini Akpan.

Floriana bdew it-tieni taqsima kif bdew l-ewwel waħda u fis-47 minuta daqqa ta’ ras ta’ Tiago Fonseca għaddiet fuq il-mimduda minn kross mil-lemin ta’ Alexander Cini. Erba’ minuti wara huma ngħataw penalty b’Marcelo Dias jiġi ġġudikat li mess il-ballun b’idu minn korner ta’ Venancio. Mill-11-il metru nkariga ruħu KRISTIAN KEQI li ma żbaljax.

Il-logħba ta’ Senglea kompliet tmur għall-agħar hekk kif Elvis Sakyi ġie muri t-tieni karta safra fl-54 minuta u ħalla lit-tim bi plejer anqas. Floriana żiedu gowl ieħor fit-58 minuta b’TIAGO FONSECA jegħleb lil Curmi b’xutt djagonali fil-baxx.

L-ewwel konklużjoni denja ta’ Senglea waslet fis-66 minuta b’Sean Cipriott jipprova jqabbeż il-ballun fuq Akpan mid-distanza, iżda l-gowlkiper Furjaniż irnexxielu jdawwar f’korner. Floriana skorjaw il-ħames gowl fit-73 minuta b’Curmi jonqos li jżomm xutt fil-baxx ta’ Fonseca, bis-sostitut TERENCE VELLA jixħet għal ġewwa mill-viċin.