Lokali

Żewġ Maltin identifikati f’ċirku ta’ traffikar ta’ ħaddiema mill-Filippini lejn pajjiżna

Kienu se jiddaħħlu Malta mingħajr il-permess tax-xogħol

Mara mit-Taiwan ġiet arrestata f’ajruport fil-Filippini wara li fil-bagalja tagħha nstabu xejn anqas minn 22 passaport ta’ persuni oħra – kollha ħaddiema mill-Filippini stess illi kienu fil-proċess li jiġu jaħdmu f’Malta.

Minn investigazzjonijiet li saru, irriżulta li f’dan iċ-ċirku ta’ traffikar ta’ persuni hemm involuti żewġ Maltin.

Rapporti fil-media internazzjonali qed jindikaw li l-każ żviluppa nhar it-Tnejn li għadda. It-22 passaport kienu jappartjenu lil nies ta’ nazzjonalita’ Filippina, li diġa’ kienu ġew ingaġġati minn kumpanija f’Malta “mingħajr il-permessi u d-dokumenti neċessarji”.

Jidher ukoll li dawn il-Filippini ħallsu xejn anqas minn €2,600 ħalli jinħarġilhom il-permess tax-xogħol biex jaħdmu f’Malta, liema working visas kellhom jinġabru mit-Taiwan.

L-uffiċċju tal-Immigrazzjoni fil-Filippini kkonferma li l-mara mit-Taiwan li ġiet arrestata kellha żewġ Maltin bħala l-kuntatt ewlieni tagħha f’pajjiżna.

Mhux magħruf eżatt jekk sarux kuntatti mal-Pulizija f’Malta rigward l-investigazzjonijiet li għaddejin fil-Filippini.