Il-Partit Nazzjonalista dejjem poġġa l-edukazzjoni fiċ-ċentru tal-ħidma politika tiegħu. Inħarsu lejn l-edukazzjoni bħala ċ-ċavetta tal-opportunitajiet u wieħed mill-aktar fatturi ewlenin fil-ġlieda kontra l-faqar. Għalhekk li qatt ma xxaħħaħna fl-edukazzjoni. Fl- edukazzjoni Gvernijiet Nazzjonalisti wettqu rivoluzzjoni siekta.
Gvern ġdid Nazzjonalista hekk jerġa’ jagħmel. Ingredjent ewlieni ta’ dan is-suċċess huma l-għalliema, li dan il-Gvern injora għal kollox. Kurt Farrugia, li sa ftit ilu kien il-PRO tal-Prim Ministru illum qed jingħata pakkett oħxon ta’ Ewro 180,000 fis-sena bħala CEO tal-Malta Enterprise. Farrugia sinjur żgħir – jaqla’ daqs disa’ għalliema f’daqqa, dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq Net FM is-Sibt filgħodu.
Il-Kap tal-PN waqt li qed jitkellem dwar l-immigrazzjoni irregolari, saħaq li l-PN irid ikun uman ma’ min hu dgħajjef u fil-bżonn u b’saħħtu ma’ min qed jabbuża. Filwaqt li il- protezzjoni tal-ħajja tibqa’ prinċipju sagru, irridu ninsistu fuq tqassim ġust ta’ persuni u soluzzjonijiet oħra għax Malta żgħira wisq biex iġġorr dan il-piż. Fl-istess waqt rridu serħan il-moħħ dwar dak li qed iseħħ fiċ-ċentri ta’ detenzjoni u open centres. Dr Delia semma kif mhux qiegħed isir biżżejjed sabiex jkunu megħjuna l-ħaddiema tal-open centres li qed jaffaċċjaw nuqqasijiet kbar ta’ riżorsi.
Fid-dawl tal-irvellijiet ġewwa Ħal Far, L-Oppożizzjoni għamlet ħafna mistoqsijiet iżda bqajna bla tweġibiet. Il-poplu nkwetat kien u għadu. Il-Gvern ma jistax jibqa jaħbi l-verità mill-poplu, qal Adrian Delia.
Dwar il-politika tal-Gvern li jkabbar l-ekonomija billi jiddependi għal kollox fuq l- importazzjoni tal-ħaddiema, Adrian Delia qal li min qed jipprova jagħti l-impressjoni li l-PN kontra l-ħaddiema mhux Maltin qed jigdeb.
Għalina l-bniedem, irrelevanti mill-kulur tal- ġilda tiegħu jew min fejn ġej, jibqa’ bniedem u lill-bniedem aħna rridu nagħtuh dinjità. Iżda, qed inkunu responsabbli meta ngħidu li l-ekonomija tal-pajjiż ma tistax tiddependi għal kollox fuq l-importazzjoni ta’ ħaddiema barranin. Fil-verità, qiegħed iġelled l-ħaddiema Maltin ma’ dawk barranin min minħabba s-sistema ekonomika li qiegħed iħaddem, il-familji Maltin spiċċaw iridu jikkompetu ma gruppi ħafna akbar ta’ barranin li qed joħonqu s-suq tal- kera’.
Adrian Delia tkellem ukoll dwar it-tibdil fil-klima u qal li kburi li l-PN kien id f’id maż- żgħażagħ biex f’pajjiżna intlaħaq kunsens nazzjonali dwar it-tibdil fil-klima. Urejna, bil-fatti, kemm aħna Oppożizzjoni kostruttiva. Fuq kollox, għarafna x’inhuma l-prijoritajiet taż- żgħażagħ u ħdima biex it-tamiet tagħhom isibu art fertili.