Lokali

Jinġabru iktar minn €800,000 b’risq Dar Bjorn

Ilbieraħ inġabret is-somma ta’ €801,616 b’risq ALS Malta… flus li se jintużaw għall-bini ta’ dar residenzjali ġdida, Dar Bjorn.

F’kumment waqt il-programm Xarabank Bjorn Formosa, il-fundatur ta’ ALS Malta qal li ma kinitx xi ħaġa faċli, iżda fi ftit ħin inġabret somma fenomenali.

Min-naħa tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia rringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom biex jinġabru dawn il-flus. Huwa saħaq li Bjorn jirnexxilu jitrasmetti enerġija pożittiva biex dak li jkollu f’moħħu jirnexxielu jwettqu.

Dan il-proġett qed isir għal dawk il-persuni li jsofru mill-Amyotrophic Lateral Sclerosis (ALS) – marda li taffettwa nervaturi fil-moħħ u fl-ispina tad-dahar.

Ix-xogħol mistenni jibda f’Ottubru, filwaqt li l-iskop huwa li lejn it-tmien tal-2020, id-dar tibda tilqa’ l-ewwel pazjenti fi ħdanha.