Lokali

Jirduppjaw fi żmien sentejn biss

Il-permessi ta’ residenza f’pajjiżna slopdew ‘il fuq f’dawn l-aħħar seba’ snin… tant li fl-aħħar sentejn biss, irduppjaw.

Ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Ewropew tal-Istatistika, il-Eurostat juru li mis-sena 2011 sas-sena 2018, in-numru ta’ nies li applikaw għal permess ta’ residenza żdiedu b’aktar minn erba’ darbiet, f’temp ta’ seba’ snin.

Fl-2011 in-numru kien ilaħħaq għal 3484, iżda sas-sena l-oħra dan tela’ għal iktar minn 17,000 permess ta’ residenza. Ta’ min wieħed jinnota li f’sena waħda biss, kien hemm żieda ta’ madwar 5000 permessi ta’ residenzi ġodda.

Filfatt Malta kienet l-aktar pajjiż fl-UE illi ħarġet permessi ta’ residenza, ras għal ras, għal persuni li ġejjin minn barra l-Unjoni.

Mit-total ta’ 17,176 permess ta’ residenza li nħarġu f’pajjiżna fl-2018, il-maġġoranza ta’ dawn il-persuni  kienu Indjani (2,299), Serbi (2,209) u Filippini (1,650).

Fi kliem f’sempliċi, f’sena waħda ġew Malta mal-10,000 ħaddiem minn barra l-UE, u allura dan ikisser ukoll l-argument li qed jagħmel ripetutament il-Kap Eżekuttiv ta’ JobsPlus; fi kliem sempliċi, il-ħaddiema barranin li qed jimporta l-Gvern huma ferm aktar minn 10,000 jekk magħhom iżid ħaddiema ohra…ghalkemm f’numri ferm izghar… li ġejjin mill-UE.

L-ammont ta’ permessi ta’ residenza li qed jinħarġu mill-Gvern Malti għal persuni li ġejjin minn barra l-UE huma sitt darbiet akbar mill-medja tal-UE.