Il-konfront bejn Roma u Milan se jlaqqa’ żewġ timijiet li għal raġunijiet differenti ftit impressjonaw f’dan l-istaġun u għalhekk ir-riżultat fil-konfront ta’ għada fi Stadio Olimpico hu imprevedibbli. Stefano Pioli deher destinat għal rebħa kontra Lecce fid-debutt bħala kowċ ta’ Milan iżda ġie mċaħħad b’gowl lejn it-tmiem ta’ Marco Calderoni.
Minkejja r-riżultat finali, kien hemm pożittiv għar-Rossoneri hekk kif dehru aktar perikolużi fl-attakki tagħhom. Pioli jidher li se jerġa’ jibda fl-attakk bit-trio magħmul minn Rafael Leao, Hakan Calhanoglu u Suso u b’hekk Krzysztof Piatek u Ante Rebic mistennija jerġgħu jibdew minn fuq il-bank.
Roma jinsabu tliet punti bogħod mir-raba’ post iżda għadhom qed ifittxu l-aħjar forma tagħhom, bid-draw fl-aħħar logħba tal-kampjonat kontra t-tim tal-qiegħ Sampdoria terġa’ tfeġġ id-dubji f’dan it-tim. Huma ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra Borussia Monchengladbach fl-Europa League, draw li wasal fl-aħħar sekondi minn penalty ineżistenti.
Kawża ta’ dan ir-riżultati, it-tim ta’ Fonseca se jinżel irrabjat iżda l-akbar problema għall-kowċ Portugiż hu l-lista twila ta’ plejers imweġġgħin. Davide Zappacosta, Henrikh Mkhitaryan, Cengiz Under, Lorenzo Pellegrini, Amadou Diawara, Bryan Cristante u Nikola Kalinic huma kolla indisponibbli.
Lecce, friski mid-draw lejn it-tmiem kontra Milan, jilqgħu lil Juventus fejn jittamaw li jibnu fuq ir-riżultat f’San Siro. Iżda żgur huma konxji mill-qawwa tal-avversarji hekk il-kowċ Juventin Maurizio Sarri għandu għażla kbira biex idawwar it-tim. Cristiano Ronaldo se jkun imserraħ għal dan il-konfront u għalhekk hi ċerta l-preżenza ta’ Gonzalo Higuain u Paulo Dybala fil-formazzjoni inizjali. Fatt interessanti hu li Juventus tilfu tlieta u spiċċaw draw tlieta oħra mit-total ta’ 15-il logħba fil-grawnd ta’ Lecce.
Inter jittamaw f’żelqa ta’ Juventus iżda jridu jirbħu l-konfront tagħhom f’darhom kontra Parma. Inter ġejjin minn rebħa importanti fost il-ġimgħa kontra Borussia Dortmund, bil-kowċ Antonio Conte se jkun qed titjib fil-prestazzjoni iżda fuq kollox it-tliet punti. Fl-aħħar konfront Inter sofrew żewġ gowls lejn it-tmiem u batew biex rebħu 4-3 kontra Sassuolo.
Parma ġejjin minn rebħa ta’ 5-1 kontra Genoa li biha telgħu fl-ewwel nofs tal-klassifika. Il-kowċ Roberto D’Aversa jittama f’sorpriża simili tal-istaġun li għadda meta Parma kienu rebħu kontra Inter 1-0 fi Stadio Giuseppe Meazza. Stefano Sensi, Alexis Sanchez u Danilo D’Ambrosio jibqgħu neqsin għal Inter filwaqt li Bruno Alves, Roberto Inglese u Vincent Laurini mhux se jilagħbu għal Parma.
Serie A
Il-Ġimgħa: Verona v Sassuolo
Illum: Lecce v Juventus 3.00pm, Inter v Parma 6.00pm, Genoa v Brescia 8.45pm
Għada: Bologna v Sampdoria 12.30pm, Atalanta v Udinese 3.00pm, Torino v Cagliari 3.00pm, Spal v Napoli 3.00pm, Roma v Milan 6.00pm, Fiorentina v Lazio 8.45pm
//= $special ?>