Il-ġeologu Peter Gatt, kien il-mistieden ta’ Robert Cremona fuq il-programm Net Live fejn spjega kif il-ġeoloġija huwa l-istudju tal-blat, li jinkludi l-forzi u ċ-ċaqliq tal-blat, minn xiex hu magħmul u kif jiġi ffurmat il-blat.
Tul il-programm, Gatt tkellem dwar l-impatt ta’ tħaffir fuq il-ġeoloġija tal-pajjiż, anke fid-dawl tad-diversi inċidenti ta’ tiġrif li seħħew fl-aħħar xhur.
Peter Gatt spjega li dak li ġara f’uħud minn dawn il-każi kien relatat ma’ skavar li sar qrib bini ieħor, u li riżultat taċ-ċaqliq li seħħ il-kroll ta’ bini fil- madwar.
Hu qal li kull zona f’pajjiżna għandha ġeoloġija partikolari, għalhekk meta jsir tħaffir u żvilupp infrastrutturali, wieħed irid joqgħod attent għas-saħħa tal-blat taz-zona.
Il-Geologu tkellem ukoll dwar l-isfidi li joffru proġetti kbar bħal dak tal-mina bejn Malta u Għawdex.
Peter Gatt qal li kull proġett ta’ tħaffir ta’ mini jitlob studji ġeoloġiċi ddetaljati. Hu qal li l-mina bejn Malta u Għawdex se tkun twila madwar 10km u li l-aktar stadju perikoluż huwa dak tat-tħaffir u l-kostruzzjoni.
Hu spjega kif il-blat huwa ħaġa dinamika u mhux xi ħaġa li ma tiċċaqqlaqx u għalhekk meta tiddisturba jew tbiddel fil-formazzjoni tal-blat, dan jaffettwa anke l-binjiet.
Filfatt, Peter Gatt qal li f’Malta m’hawnx biżżejjed għarfien, u lanqas l-istrutturi li jiggarantixxu li informazzjoni ddettaljata biżżejjed dwar struttura ġeoloġika. Hu qal li Malta tibqa’ wieħed mill-ftit pajjiżi fid-dinja li għad m’għandhiex servizz ġeoloġiku Nazzjonali. Dan ifisser li mhemmx awtorità li tista tagħti informazzjoni preċiża dwar il-ġeoloġija tal-pajjiż.
Il-ġeologu qal li bejn Malta u Għawdex hemmn ġeoloġija kumplessa u hemm faults partikolari li jikkawżaw ċaqliq kontinwu, tant li l-gżira ta’ Kemmuna qed iddur. Dan iċ-ċaqliq huwa żgħir ħafna, imma l-gżira ba’ bejn Malta u Għawdex qed iddur f’sens kontra l-arloġġ.
Peter Gatt qal li huwa propju minħabba d-dinamiċità tal-blat li jridu jsiru studji dettaljati qabel jinbdew proġetti kbar infratstrutturali li jinovolu skavar.
//= $special ?>