Kultura Lokali

Malta Comic Con 2019

Ġie mniedi, għall-11-il sena konsekuttiva, il-Malta Comic Con li ser ikun qed isir taħt it-tinda tal-MFCC f’Ta’ Qali fit-2 u fit-3 ta’ Novembru.

Il-Malta Comic Con huwa avveniment ta’ jumejn li jiċċelebra l-kreaturi tal-komiks, kotba komiks, films, serje tat-TV, logħob tal-mejda, logħob tal-kompjuter, logħob tal-irwol, cosplaying u kważi kull ħaġa li hija relatata mal-kultura tal-komiks.

Avveniment divertenti u edukattiv fl-istess ħin u fiż-żewġt ijiem se jkun hemm materjal maħsub speċifikament għat-tfal u materjal speċifikament maħsub għal udjenza matura.

Madankollu, attenzjoni partikolari dejjem tingħata lejn il-provvista ta’ pjattaforma għall-protagonisti biex jiltaqgħu mas-segwaċi tagħhom.

Din is-sena, ser ikun ukoll mniedi t-tieni edizzjoni ta’ publikazzjoni speċjali li din is-sena se tkun dwar fatati fl-istorja ta’ Malta li se tkun ċelebrazzjoni ta’ artisti Maltin u barranin lingħqdu biex iwasslu stejjer permezz tal-comics. L-ismijiet se jkunu kkomunikati fi żmien qasir iżda l-organizzaturi qed iwegħdu li se jkun hemm xi ismijiet verament kbar din is-sena f’dak li għandu x’jaqsam id-dinja tal-komiks.