Lokali

Raġel isofri ġrieħi serji wara inċident bi ‘quad bike’

Raġel ta’ 64 sena mill-Ħamrun qed isofri ġrieħi serji wara li kien involut f’inċident bi quad bike. Stqarrija tal-pulizija tgħid li l-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tal-10.30p.m. fi Triq San Tumas f’Ħal Luqa.

Mill-ewwel stħarriġ tal-pulizija jirriżulta li għal xi raġuni, il-vittma tilef il-kontroll tal-vettura tat-tip Moto-Roma u spiċċa biex inqaleb. Kien hemm ukoll tfajla ta’ 20 sena residenti l-Ħamrun li kienet passiġġiera fuq il-quad bike.

Tim mediku ħa lill-vittmi l-Isptar Mater Dei fejn iktar tard it-tfajla kienet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ħfief filwaqt li r-raġel kien ċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.

Il-Maġistrat tal-Għassa Marseann Farrugia fetħet inkjesta u ħatret esperti biex jassistu. Il-Pulizija qed tinvestiga l-każ.