Lokali

Villa Gwardamanġia tista’ sservi punt ta’ referenza ewlenija għal-lokalità​ Tal-Pietà

Il-Kunsillieri Nazzjonalisti fi ħdan il-Kunsill Lokali ta’ tal-Pieta, Mark Pisani u Josef Fitzpatrick jilqgħu b’sodisfazzjoni l-aħbar li ħarġet fil-ġranet li għaddew li l-Gvern xtara Villa Gwardamanġia li serviet bħala residenza uffiċċjali tar-Reġina Eliżabetta II (dak iż-żmien Prinċipessa) u d-Duka Philip għall-perjodu li din il-koppja kienet tirresjedi f’Malta.

Il-lokal ta’ tal-Pieta huwa l-uniku post fid-dinja li r-Reġina Eliżabetta II u żewġha għexu fih minbarra r-Renju Unit. Dan waħdu huwa ta’ wirt storiku ewlieni għal-lokalita ta’ tal-Pieta’ u għal pajjiżna u għalhekk, din l-aħbar tax-xiri ta’ Villa Gwardamanġia żgur li ser tkompli tgħolli l-profil u l-isem tal-lokalità ta’ tal-Pieta’.

Il-Kunsillieri Lokali Mark Pisani u Josef Fitzpatrick ifakkru li kienu propju l-Kunsillieri Nazzjonalisti li din is-sena stess qajmu dan is-suġġett fil-Kunsill preċidenti sabiex  il-Gvern jieħu azzjoni fuq din il-Villa unika li hija ta’ importanza kbira.

Issa li din il-Villa ġiet akkwistata, il-Kunsillieri Nazzjonalisti fil-Kunsill Lokali ta’ tal-Pieta’ jappellaw li l-Gvern għandu jibda konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali sabiex dan il-proġett isir fl-iqsar żmien possibbli u l-Kunsill jassigura li dan l-investiment  jkun ta’ benefiċċju għal-lokalità u r-residenti ta ‘tal-Pieta’.