Internazzjonali

Qtugħ tad-dawl għall-massa fost in-nirien ta’ Kalifornja

Direttiva għall-qtugħ tad-dawl li mistennija taffettwa ‘il fuq minn żewġ miljuni daħlet fis-seħħ madwar Kalifornja fost in-nirien kbar li għadhom jaħkmu fid-diversi zoni tal-Istat.

Il-Pacific Gas & Electric (PG&E) iddeċieda li jimplimenta l-blackout (li mistenni jkun l-akbar fl-istorja tal-Istat) bħala  prekawzjoni fost tbassir ta’ irwiefen ġodda li kapaċi jwettqu l-ħsarat fil-faċilitajiet minbarra li jikkaġunaw in-nirien ġodda.

Intant, il-Gvernatur ta’ Kalifornja, Gavin Newsom, qal li l-qtugħ tad-dawl fuq dan il-livell hu ‘inaċċettabbli’. Dan meta mad-90,000 persuna kienu ordnati jitilqu minn djarhom, fin-naħa ta’ fuq ta’ Kalifornja, skont direttiva għall-evakwazzjoni. Id-direttiva ġdida kienet effettiva għal zona sħiħa ta’ Sonoma County, fejn in-nar imlaqqam Kincaid Fire diġà ħakem ‘il fuq minn 10,300 ettari ta’ art.

Intant, kien iddikjarat stat ta’ emerġenza f’Los Angeles u Sonoma County, meta eluf ta’ membri tal-iskwadri għall-emerġenzi qegħdin jikkumbattu n-nirien.Dan fost rapport li dawn l-iskwadri rnexxielhom jikkontrollaw ‘mal-għaxra fil-mija tal-Kincaid Fire’, bin-nar qed jaqbad f’artijiet remoti li l-aċċess għalihom hu diffiċli.