Bħallikieku mhux biżżejjed li l-ħabib tal-Prim Ministru, Kurt Farrugia, se jkun qed jaqla’ sa €500 kuljum bħala Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, issa sar magħruf ukoll li l-kuntratt tiegħu jinkludi termini meqjusa bħala uniċi.
Fost l-oħrajn, f’każ li jirriżenja wara sentejn fuq inizjattiva tiegħu, il-kuntratt jippermettilu li jirċievi somma ta’ €130,000 li tagħha lanqas biss jiġi ntaxxat.
Jekk tkun Malta Enterprise li tiddeċiedi li titterminalu l-kuntratt, Kurt Farrugia mhux biss jieħu l-paga sal-kumplament tat-terminu tiegħu, imma wkoll paga ta’ sentejn oħra. Dan jista’ jfisser madwar kwart ta’ miljun ewro.
Kurt Farrugia jista’ jikkwalifika wkoll għal performance bonus ta’ 20% fuq il-paga bażika tiegħu ta’ €100,000. Din id-deċiżjoni, kuntrarju għas-soltu, tittieħed miċ-Chairman mhux eżekuttiv, li hu appuntat politikament, u mhux mill-Bord tad-Diretturi kif isir normalment.
The Times tkellmu ma’ esperti tar-relazzjonijiet industrijali u r-riżorsi umani li baqgħu sorpriżi b’dawk li ddeskrivew bħala termini uniċi, li jxaqilbu biss lejn Kurt Farrugia u li mhux neċessarjament huma fl-interess pubbliku.
Wieħed minn dawn is-sorsi saħansitra qal li fil-karriera twila tiegħu qatt ma ra kuntratt li jxaqleb daqshekk lejn l-impjegat, lanqas fis-settur privat.
Iffaċċjati mill-kritika, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-ħabib tiegħu Kurt Farrugia taw tliet verżjonijiet differenti.
Il-fondi ta’ Malta Enterprise, li timpjega lil Kurt Farrugia, huma fondi pubbliċi. Dan ifisser li Kurt Farrugia qed jitħallas mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi.