Futbol Sport

Bilanċ assolut bejn Ħamrun u Birkirkara

(Ritratt: Martin Agius)

Rapport: George Cassar

ĦAMRUN SPARTANS………. 0

BIRKIRKARA………………….. 0

Ħamrun: M. Bartolo, N. Leone, D. Borg, O. Nikolopoulos, M. Cinquini, T. Caruana, M. Criaco, S. Lagzir, Dodò, W. Domoraud, R. Darmanin (C. Failla 58’)

Birkirkara: A. Hogg, C. Attard, I. Ntow, E. Pepe, O. Carniello, R. Briffa, M. Guillaumier, R. Fenech, M. Vella, C. Prado (M. Mifsud 87’), F. Falcone (K. Zammit 83’)

Imwissija: W. Domoraud 60’, S. Lagzir 85’, N. Leone 90’ (Ħ), M. Guillaumier 64’, C. Attard 77’, R. Briffa 90’ (B)

Tkeċċa: M. Guillaumier 79’ (Ħ)

Referee: Trustin Farrugia Cann

Assistenti Referees: Roberto Vella, Duncan Spencer

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Caio Prado (Birkirkara)

BOV Plejer tal-logħba: Caio Prado (Birkirkara)

Attendenza: 802

Il-konfront bejn Ħamrun Spartans u Birkirkara ma kien fih l-ebda gowl f’partita ferm bilanċjata. Fl-aħħar għaxar minuti Birkirkara kellhom plejer imkeċċi iżda kellhom iċ-ċans li jiskorjaw il-gowl tar-rebħa u kien il-gowlkiper Ħamruniż Manuel Bartolo li wera l-kapaċitajiet tiegħu meta salva ballun diffiċli u salva punt għall-Ħamruniżi. B’dan ir-riżultat l-Ispartans baqgħu għaddejjin b’kampjonat pożittiv u qegħdin fir-raba’ post filwaqt li Birkirkara baqgħu staġnati fil-ħdax-il post.

Ħamrun kellhom lil Karl Micallef sospiż u lil Clayton Failla li beda mas-sostituti minħabba li ma kienx f’sikktu. Postu fuq ix-xellug tad-difiża ħadu ż-żagħżugħ Darren Borg li beda mill-bidu għall-ewwel darba. Għal Birkirkara Matthew Guillaumier kien għall-ewwel darba fil-formazzjoni inizjali dan l-istaġun iżda ma temmx il-partita hekk kif intwera l-karta l-ħamra fl-aħħar għaxar minuti.

Birkirkara fetħu fuq l-attakk fl-għaxar minuta meta minn pass ta’ Roderick Briffa, kien hemm xutt mill-qrib ta’ Caio Prado li kien imtajjar f’korner minn Manuel Bartolo. Ħamrun irrispondew mal-kwarta logħob meta minn pass ta’ Wilfried Domoraud, Marco Criaco prova mill-ewwel iżda Andrew Hogg dawwar f’korner. Qabel l-intervall, minn pass ta’ Caio Prado, Matthew Guillaumier kellu l-ftuħ iżda Manuel Bartolo laqagħlu tajjeb ix-xutt fil-baxx.

Għaxar minuti mit-tmiem Matthew Guillaumier intwera l-karta l-ħamra għal fawl f’nofs il-grawnd. Minkejja li bi plejer inqas Birkirkara, kienu l-iktar tim avventuruż fl-attakk fl-aħħar mumenti tal-logħba.

Il-Karkariżi kellhom ċans doppju meta l-cross-shot ta’ Cain Attard kien imtajjar minn Manuel Bartolo, bil-gowlkiper Ħamruniż imbagħad jagħmel save diffiċli fuq konklużjoni mill-viċin ta’ Caio Prado. Birkirkara baqgħu jattakkaw u resqu qrib b’xuttijiet mill-bogħod ta’ Ryan Fenech u Maurizio Vella li t-tnejn marru barra biex b’hekk l-iskor finali baqa’ ma nbidilx.