Internazzjonali

Ċili: Il-President ikeċċi lill-Kabinett wara l-protesti

Il-President taċ-Ċili, Sebastian Pinera, keċċa lill-Kabinett sħiħ tiegħu bil-ħsieb li jifforma Gvern ġdid u jintroduċi r-riformi soċjali li jridu d-dimostranti li, għal dawn l-aħħar jiem, ipprotestaw bi ħġarhom fit-toroq biex iħeġġu għall-‘bidliet kbar’ fil-pajjiż.

Pinera, issa, insista li qed jirristrutturizza l-Kabinett biex jikkonfronta d-domandi tal-poplu, għalkemm mhux ċar x’forma għandu jieħu dan ir-reshuffle.

Wara li ‘il fuq minn miljun persuna, fi tmiem il-ġimgħa, ħadu sehem f’rally paċifiku f’Santiago, Pinera qal li qiegħed jirrikonoxxi ‘ir-realtà ġdida’ u li hu se jieħu azzjoni ‘skont id-domandi li semagħhom jidwu mit-toroq’.

Il-President, filwaqt li sostna li ‘iċ-Ċili hu pajjiż differenti milli kien ġimgħa ilu’, ħabbar ukoll li tneħħa l-curfew li, għall-aħħar ġimgħa, kien qed jillimita l-movimenti tan-nies f’Santiago u bliet Ċileni oħra.

Dan waqt li l-Oppożizzjoni fiċ-Ċili sejħet biex jintemm l-istat ta’ emerġenza li ilu effettiv għal dawn l-aħħar jiem.

Mindu, ġimgħa ilu, bdew is-sensiela ta’ dimostrazzjonijiet kontra ‘l-inugwaljanzi’ fis-soċjetà Ċilena, mietu talanqas 17-il persuna, b’mijiet jisfaw midruba waqt konfronti mal-qawwiet tas-sigurtà.

Intant, l-aħħar dimostrazzjoni paċifika kellha sseħħ wara ġimgħa ta’ ġlied bejn l-attivisti u l-pulizija għal kontra l-irvellijiet f’Santiago u bnadi oħra taċ-Ċili.

L-organizzaturi tad-dimostrazzjoni partikulari qalu li din kienet l-akbar ‘manifestazzjoni popolari’ mindu ċ-Ċili rritornat għal demokrazija, fl-1990.