Internazzjonali

Donald Trump jikkonferma: al Baghdadi eliminat

"Spiċċa joqtol lilu nnifsu meta tajjar qmis mimli bl-isplussivi"

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ħabbar li Abu Bakr al-Baghdadi, il-Mexxej tal-grupp terroristiku ISIS, spiċċa maqtul waqt azzjoni militari tal-Amerikani fil-provinċja ta’ Idlib, fil-majjistral tas-Sirja.

F’diskors li għamel mill-White House ( f’Washington) Trump qal li Baghdadi “spiċċa joqtol lilu nnifsu meta tajjar qmis mimli bl-isplussivi” waqt ir-rejd li kienu qed imexxu l-qawwiet speċjali tal-Istati Uniti.

Baghdadi sar magħruf madwar id-dinja fl-2014 meta ħabbar li kien waqqaf ‘Kalifat’ fit-territorji tal-Iraq u s-Sirja. Dan waqt li l-ISIS kienu qed iwettqu sensiela ta’ atroċitajiet li rriżultaw f’eluf tal-mejtin, Il-grupp tal-ġiħadisti, għal snin sħaħ, impona sistema ta’ tmexxija brutali fuq kważi tmien miljun ruħ fiz-zoni taħt il-kontroll tiegħu, minbarra li wettaq numru ta’ attakki terroristiċi fl-ibliet madwar id-dinja.

L-Istati Uniti, aktar kmieni din is-sena, kienet iddikjarat il-Kalifat ta’ Baghdadi bħala ‘xolt u megħlub’.

Intant, Donald Trump, fl-istqarrija, qal li l-qawwiet speċjali Amerikani  konkludew ir-rejd fuq Baghdadi ‘bi stil impekkabbli’. Hu sostna li l-Kap terrorista għex l-aħħar mumenti ta’ ħajtu ‘fi stat ta’ paniku assolut’ u fejn hu deher ‘imwerwer mill-qawwiet Amerikani li kienu qed javviċinawh’.

Filwaqt li ma mietu l-ebda Amerikani fir-rejd, Trump żvela li tilfu ħajjithom numru ta’ segwaċi ta’ Baghdadi u li l-qawwiet Amerikani rnexxielhom jiġbru ‘materjal u informazzjoni mill-aktar sensittivi’. Sar magħruf li Baghdadi, qabel miet, kien akkumpanjat minn tliet uliedu ( tfal) u li dawn mietu miegħu meta hu tajjar il-qmis bl-isplussivi. L-identità ta’ Baghdadi, intant, kienet ikkonfermata bit-testijiet tad-DNA fuq il-fdalijiet tiegħu.

Abu Bakr al-Baghdadi, imwieled l-Iraq, kien kiseb reputazzjoni bħala strateġista ewlieni wara diversi attakki terroristiċi u ilu s-snin bħala ‘l-aktar raġel imfittex fid-dinja’.

Kien fl-2010 li hu kiseb prominenza internazzjonali bħala l-Kap ta’ umbrella group li inkluda l-moviment ‘Al-Qaeda fl-Iraq’. Ismu sar aktar prominenti meta l-militanti tal-ISIS ħatfu l-belt ta’ Mosul (fl-Iraq) fl-2014 u Baghdadi deher jiddikjara t-twaqqif tal-‘Kalifat’. Din kienet l-unika darba li Baghdadi deher fil-pubbliku, bil-kap terrorista, aktar kmieni din is-sena, jispikka wkoll fuq filmat li kienu ħarġu l-ISIS.

F’Ottubru tal-2011, l-Istati Uniti kienet iddikjarat lil Baghdadi uffiċjalment bħala ‘terrorista’ u offriet premju ekwivalenti għal aktar minn sitt miljun ewro għal informazzjoni li kellha twassal għall-qtil jew priġunerija tiegħu. Il-premju ‘fuq ir-ras ta’ Baghdadi’ kien żdied għal madwar ħmistax il-miljun ewro fl-2017.