Lokali

FILMAT: Eddie Fenech Adami jirbaħ premju f’Washington

Eddie Fenech Adami, eks Kap tal-PN, President Emeritu u l-eks Prim Ministru ta’ Malta, rebaħ il-premju Caritas in Veritate (Karità fil-verità) f’serata li saret f’Washington fl-Istati Uniti.

Sfortunatament minħabba raġunijiet ta’ saħħa hu ma setax jattendi għal din is-serata u għalhekk attenda f’ismu ibnu, Beppe Fenech Adami. Eddie Fenech Adami llum għandu 85 sena.

Net News ħa l-kummenti ta’ Beppe Fenech Adami fejn qalilna aktar dwar il-prestiġju u d-defenizzjoni ta’ dan l-unur. Huwa qal li din l-għaqda internazzjonali rrikonoxxiet il-valuri li kien iħaddan Eddie Fenech Adami.

“Tista’ tkun politiku li ġġib bidliet kbar mingħajr ma twarrab il-valuri li sawruk… naħseb dan huwa dak li kkaraterizza l-ħidma tal-papà tiegħi fil-politika” – Beppe Fenech Adami

Imwaqqfa fl-2010, Caritas in Veritate hija “konfederazzjoni ta’ istituzzjonijiet Kattoliċi, iddedikata biex tirrekluta, timmobilizza u timpenja voluntiera bħala tweġiba għas-sejħa tal-Papa Benedittu XVI għall-Karità fil-Verità.”

Fid-diskors li wettaq, waqt li aċċetta l-unur f’isem missieru, Beppe spjega kif missieru għożż il-valuri tal-verità u tal-ġustizzja, u li dejjem emmen li s-sewwa jirbaħ żgur. Missier Malta Ewropea ġie deskritt bħala l-persuna li dejjem baqa’ leali f’ħidmietu lejn in-nazzjon Malti.

Beppe Fenech Adami qal li missieru dejjem emmen li l-ħajja tibda mill-konċepiment tat-tarbija u emmen ukoll fil-ġid komuni. Hu qal li pprattika dawn il-priċipji mill-bidu nett. Hu qal li missieru ħaddan l-iżviluppi li saru fid-Dinja għat-tfittxija tas-solidarjetà u l-libertà – li huma valuri Kattoliċi.

Stqarr li missieru fittex li dejjem juża d-djalogu bħala għodda politika u għamel ħiltu biex iwarrab il-konfrontazzjoni.

Eddie Fenech Adami, il-politiku li dejjem fittex li jkun hemm ir-rikonċiljazzjoni f’mumenti fejn kien hemm firda kbira fil-pajjiż, bl-għan li l-poplu jibqa’ magħqud u jimxi ‘l quddiem.