Formula 1 Sport

Hamilton eqreb lejn is-sitt kampjonat bit-tieni rebħa tiegħu fil-Messiku

(Ritratt: EPA)

Lewis Hamilton jinsab eqreb minn qatt qabel li jirbaħ is-sitt kampjonat fil-karriera wara li spiċċa fl-ewwel post fil-Grand Prix missielet tal-Messiku. L-istrateġija ta’ waqfa waħda ħalliet l-effett tagħha biex spiċċa għeleb l-isfida ta’ Sebastian Vettel tal-Ferrari u sieħbu tal-Mercedes Valtteri Bottas fi tmiem eċċitanti. Din kienet it-tieni rebħa għal Hamilton fil-Messiku u l-100 waħda għal Mercedes bħala tim, minkejja li din kienet l-ewwel darba fi tliet snin li ma aċċertax mill-kampjonat f’Mexico City. Hamilton għamel 48 dawra bl-istess sett ta’ tyres

Charles Leclerc kien fuq quddiem fl-ewwel parti tat-tellieqa, iżda wara li kien hemm żball mhux fil-kontroll tiegħu fit-tieni waqfa, Leclerc spiċċa biex kellu jikkuntenta bir-raba’ post qabel Alexander Albon tar-Red Bull. Hamilton għamel il-waqfa tiegħu fl-24 dawra u kellu jirċievi aċċertamenti mill-Kap tal-Istrateġija ta’ Mercedes James Vowles biex iserraħ aktar rasu fuq l-għażla. Bottas daħal jibdel it-tyres fis-37 dawra u Vettel għamel l-istess dawra wara. Leclerc daħal fl-44 u dawra u Albon għamel il-waqfa tiegħu dawra wara. Minkejja li t-tyres tiegħu kienu ilhom aktar, Hamilton irnexxielu jikkontrolla tajjeb biex b’abbiltà baqa’ fuq quddiem.

Għalkemm għamel rekord taċ-ċirkwit is-Sibt fil-provi uffiċjali, Max Verstappen kellu jibda mir-raba’ post wara li ngħata penalità. Aktar minn hekk, hu kellu tellieqa sfortunata hekk kif wara kuntatt fl-ewwel kantunieri ma’ Lewis Hamilton, kellu kuntatt fir-raba’ dawra ma’ Valtteri Bottas li kkawża puncture fit-tyre ta’ wara tal-lemin u kellu jagħmel kważi dawra sħiħa bi tliet tyres. Hu spiċċa fis-sitt post u għamel waqfa biss u dam 66 dawra bit-tyres iebsin.

Sergio Perez spiċċa l-aqwa mill-kumplament tat-timijiet l-oħra wara li ddefenda l-isfida ta’ Daniel Ricciardo tar-Renault li daħal fit-tmien post filwaqt li l-koppja ta’ Toro Rosso Daniil Kyat u Pierre Gasly kisbu l-aħħar żewġ postijiet mal-ewwel għaxra, b’kuntatt lejn it-tmiem ta’ Kvyat u Nico Hulkenberg iwassal biex is-sewwieq ta’ Renault spiċċa ħabat fis-16-il kantuniera u tilef il-parti ta’ wara tal-karozza.

L-istewards investigaw l-inċident u ddeċidew li jagħtu penalità ta’ 10 sekondi lir-Russu biex niżel fil-11-il post, b’Hulkenberg jieħu l-aħħar punt. Diżappunt għal McLaren li ma kisbux punti għall-ewwel darba mill-Grand Prix tal-Belġju.

Carlos Sainz kien fir-raba’ post f’mument minnhom iżda strateġija ta’ żewġ waqfiet spiċċat falliet bl-Ispanjol temm fit-13-il post. Diżappunt akbar għal Lando Norris wara żball fil-pit stop li wasslet biex irtira fit-48 dawra biex isalvaw il-karozza. Il-Grand Prix li jmiss issir fit-3 ta’ Novembru fiċ-ċirkwit ta’ Austin fl-Istati Uniti.

Kif Spiċċaw:

1. Lewis Hamilton (1:36:48.904), 2. Sebastian Vettel (+1.766s), 3. Valtteri Bottas (+3.553s), 4. Charles Leclerc (+6.368s), 5. Alexander Albon (+21.399s), 6. Max Verstappen (+68.807s), 7. Sergio Perez (+73.819s), 8. Daniel Ricciardo (+74.924s), 9. Daniil Kvyat (+dawra), 10. Pierre Gasly (+dawra), 11. Nico Hulkenberg (+dawra), 12. Lance Stroll (+dawra), 13. Carlos Sainz (+dawra), 14. Antonio Giovinazzi (+dawra), 15. Kevin Magnussen (+2 dawriet), 16. George Russell (+2 dawriet), 17. Romain Grosjean (+2 dawriet), 18. Robert Kubica (+2 dawriet),Ma kklassifikawx: Kimi Raikkonen, Lando Norris

Klassifika tas-Sewwieqa: 1. Lewis Hamilton 363 punt, 2. Valtteri Bottas 289 punt, 3. Charles Leclerc 236 punt, 4. Sebastian Vettel 230 punt, 5. Max Verstappen 220 punt, 6. Pierre Gasly 76 punt, 7. Carlos Sainz 76 punt, 8. Alexander Albon 74 punt, 9. Sergio Perez 43 punt, 10. Daniel Ricciardo 38 punt, 11. Daniil Kvyat 36 punt, 12. Lando Norris 35 punt, 13. Nico Hulkenberg 34 punt, 14. Kimi Räikkönen 31 punt, 15. Lance Stroll 21 punt, 16. Kevin Magnussen  20 punt, 17. Romain Grosjean 8 punti, 18. Antonio Giovinazzi 4 punti, 19.Robert Kubica  punt, 20. George Russell 0 punti

Klassifika tal-Kostrutturi: 1. Mercedes 652 punt, 2. Ferrari 466 punt, 3. Red Bull 341 punt, 4. Mclaren 111-il punt, 5. Renault 73 punt, 6. Toro Rosso 64 punt, 7. Racing Point 64 punt, 8. Alfa Romeo 35 punt, 9. Haas Ferrari 28 punt, 10. Williams punt