Lokali

Il-ministri tal-Gvern nefqu mal-€500,000 f’sentejn fuq vjaġġi, ikel, akkomodazzjoni u ospitalità

Sa mill-elezzjoni ta’ Ġunju tas-sena li għaddiet, il-Ministri tal-Gvern nefqu madwar nofs miljun ewro fuq safar, akkomodazzjoni, ikel u servizzi tal-IT.

Dan joħroġ minn talba għall-informazzjoni li saret minn The Times of Malta bl-iskop li jkun magħruf x’nefqu l-membri tal-kabinett permezz ta’ credit cards tal-Gvern li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom.

L-iktar wieħed li nefaq flus kien Carmelo Abela, li għaqqad spiża ta’ €98,500 f’sentejn, bl-uffiċċju tiegħu ma jweġibx għal mistoqsijiet ta’ The Times of Malta.

Warajh hemm il-Ministru Konrad Mizzi, li f’sentejn nefaq €85,300. B’rappreżentant tal-Ministru jiddikjara li l-ispiża tinkludi wkoll business lunches u dinners, sar magħruf li f’ħames okkażjonijiet, il-vjaġġi ta’ Konrad Mizzi qabżu s-€7,000 f’xahar.

Jekk wieħed iħares lejn ħames xhur partikolari, Konrad Mizzi siefer 21 darba.

Michael Falzon, responsabbli mill-Familja, nefaq €53,600 waqt li l-Ministru Chris Cardona nefaq total ta’ iktar minn €46,500 fuq vjaġġar u spejjeż oħra relatati. Hu jibqa’ mfakkar għal kif, fl-2015, kien parti minn delegazzjoni li nefqet €756 f’alkoħol waqt żjara f’Dubaj.

Jekk wieħed iħares biss lejn il-kategorija tal-ospitalità, il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici hu l-iktar wieħed li nefaq flus hekk kif tella’ kont ta’ €14,000, segwit mill-Prim Ministru li nefaq iktar minn €12,000.

Ħarsa lejn l-Uffiċċju tal-Prim Ministru turi li hu nefaq ukoll iktar minn €19,100 fi spejjeż relatati mal-ivvjaġġar, jiġifieri fuq lukandi, trasport, ikel u spejjeż relatati mal-IT. Fl-2016, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur kien wettaq audit fuq l-ispejjeż tal-membri tal-Gvern permezz ta’ dawn il-credit cards. Madankollu din l-audit qatt ma ġiet pubblikata.