Il-Ministru Konrad Mizzi – magħruf għar-relazzjoni tiegħu qrib il-Prim Ministru Joseph Muscat – jaqbel mal-paga eżaġerata li qed u se jkun qed jingħata l-eks Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia … paga li tlaħħaq il-500 ewro kuljum.
Il-Ministru Mizzi kien mistoqsi wara li kien żvelat li fl-ewwel sena tiegħu fit-tmexxija tal-Malta Enterprise, Farrugia se jingħata paga ta’ 130,000 fis-sena … li titla sa kważi 179,000 sad-disa’ sena.
Dwar dan, Konrad Mizzi esprima l-approvazzjoni tiegħu billi qal li jaqbel mad-deċiżjonijiet kollha li jieħu Muscat, filwaqt li qal li deċiżjonijiet bħal dawn jintrefgħu mill-membri kollha tal-Kabinett flimkien.
Dan il-Ħadd, l-istess gazzetta żvelat ukoll privileġġi wkoll fl-eventwalità li Farrugia jitlaq jew jitneħħa mill-kariga.
Meta kien impjegat tal-media Laburista, Kurt Farrugia minn dejjem kien qrib ta’ Muscat. Fil-fatt, meta l-Mexxej Laburista kien elett bħala Membru Parlamentari Ewropew, hu għażel direttament lil Farrugia biex imexxi s-sit Laburista tal-aħbarijiet maltastar.com, sakemm għażlu Kap tal-Komunikazzjoni tiegħu wara r-rebħa elettorali tal-2013.
Iżda issa li qed joqrob iż-żmien li Muscat iħalli s-siġġu fit-tmexxija tal-Partit u l-Gvern Laburista, ħalla lil Kurt Farrugia jitlaq l-impenji tiegħu f’Kastilja u jsir il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise.
Sadanittant, Konrad Mizzi ma ċaħadx l-intenzjoni tiegħu li jidħol fil-ġlieda għat-tmexxija tal-Partit u l-Gvern Laburista, iżda qal biss li għalissa ma jitkellimx fuq spekulazzjonijiet, ladarba Muscat għadu fil-kariga.
Mhux diffiċli għal Konrad Mizzi li japprova u jaċċetta pagi esagerati bħal ta’ Kurt Farrugia, ladarba martu Sai kienet tingħata paga ta’ 13,000 ewro fix-xahar.