Ivan Milat, isem infami madwar id-dinja li tibqa’ tiftakru bħala s-serial killer Awstraljan li ħataf u qatel numru ta’ hitchhikers, miet bil-marda tal-kanċer f’Sydney, fl-età ta’ 74 sena.
Milat kien qed jiskonta sentenza ta’ ħabs għal għomru talli qatel seba’ hitchhikers, bejn l-1989 u l-1992, u ddispona mill-katavri tagħhom qalb il-foresta fl-Istat ta’ New South Wales.
Il-pulizija qalet li l-fatt li Milat baqa’ sal-aħħar ta’ ħajtu jirrifjuta li jammetti għar-reati tiegħu kellu jostakola aktar investigazzjonijiet dwar il-qtil inkwistjoni u każi oħrajn li għadhom mhumiex solvuti. Il-vittmi ta’ Milat kienu tliet Ġermaniżi, żewġ Britanniċi u żewġ Awstraljani – ilkoll bejn id-19 u t-22 sena – u li kienu qed jesploraw (bil-mixi) iz-zona vasta u remota tal-Awstralja magħrufa bħala l-Outback.
Is-sensiela ta’ qtil ikkonkludiet bl-arrest ta’ Milat wara li fallielu attentat fuq il-ħajja ta’ hitchhiker Britanniku li rnexxielu jaħrab u jiġbed l-attenzjoni tal-pulizija.
Il-film famuż Wolf Creek ( u s-sequel sussegwenti) – għalkemm li ma jibbażawx għal kollox fuq l-istorja ta’ Milat — jinkludu numru ta’ elementi li jfakkru fl-omiċidji ‘tal-Outback’ li kienu waħħxu lill-Awstralja għal diversi snin.
//= $special ?>