Tellieqa bejn dawk qrib il-Prim Ministru Joseph Muscat għal min se jkun qed jieħu l-iktar, b’pagi astronomiċi f’karigi għoljin maċ-ċivil jew konsulenzi.
Id-dħul annwali ta’ dawn il-persuni f’postijiet importanti f’istituzzjonijiet li jaqgħu taħt iċ-Ċivil jammontaw għal mijiet ta’ eluf ta’ ewro kull sena.
Dan kollu b’kuntrast kbir mad-dħul tal-ħaddiem Malti; mad-dħul tal-pensjonanti; mal-ġlieda ta’ ħafna familji biex ikollhom biżżejjed finanzi kull xahar.
F’dawn is-seba’ snin li għaddew ta’ Gvern immexxi minn Joseph Muscat, l-istess Joseph Muscat mhux biss irnexxielu kważi jeqred il-faxxa tan-nofs tal-popolazzjoni, iżda llum hawn faxxa żgħira ta’ fuq li jdaħħlu l-għexieren ta’ eluf ta’ ewro għas-sempliċi raġuni li dawn huma nies ta’ fiduċja ta’ Kastilja u mbagħad mad-90,000 persuna oħra li jinsabu fix-xifer tal-faqar.
Fuq quddiem ta’ dawk li fiċ-Ċivil qed jiffangaw kemm jifilħu b’salarji eżorbitanti wieħed isib lista mhux ħażin ta’ persuni, fosthom Kurt Farrugia, James Piscopo, Johann Buttigieg, Joseph Cuschieri, Fredrick Azzopardi li bejniethom għandhom dħul ta’ aktar minn €600,000 fis-sena.
L-istorja l-aktar reċenti ta’ Kurt Farrugia bir-raġun kollu li xxokkjat lil kulħadd. €179,000 fis-sena fi żmien ftit tas-snin għal kariga li ngħatatlu b’mod dirett u mingħajr ebda sejħa pubblika. L-unika kwalifika għal tali kariga ferm sensittiva hi li hu ħabib ferm tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Fil-fatt bħala l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia attwalment se jkun qed idaħħal aktar minn €130,000 fis-sena, bil-paga titla’ sa €179,000 fis-sena, jiġifieri ftit inqas minn €500 kuljum.
James Piscopo, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita tal-Artijiet, inħatar ukoll bħala Chairman ta’ ARMS Ltd, l-entita’ li toħroġ u tamministra l-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Il-ġurnal Times of Malta kien żvela li Piscopo, meqjus bħala qrib ħafna ta’ Joseph Muscat, għandu diversi ħatriet f’entitajiet pubbliċi fosthom fuq il-bordijiet tal-Enemalta u Projects Malta.
Din tal-aħħar tinsab taħt it-tmexxija politika tal-Ministru Konrad Mizzi. Bejn l-ARMS u l-Awtorita tal-Artijiet, Piscopo jdaħħal mal-€100,000 fis-sena. Mistoqsi kemm idaħħal b’kollox mill-ħatriet varji li għandu mal-Gvern, James Piscopo ma weġibx.
Karl Stagno Navarra, persuna oħra qrib il-klikka ta’ Kastilja, illum il-ġurnata qed jokkupa kariga fi ħdan l-Air Malta fejn il-paga assenjata għal dan il-post li jinsab fih tammonta għal xejn inqas minn €90,000.
Hemm ukoll Robert Abela li kif kien rappurtat fil-midja fix-xhur li għaddew il-konsulenzi li għandu mal-Gvern qed iwassal biex jaqla’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro. Tant li taħt l-amministrazzjoni Laburista sas-sena 2017 kien diġa qala’ aktar minn nofs miljun ewro.
L-istess jista’ jingħad għal Deborah Schembri, eks-Segretarju Parlamentari imma li issa qed isservi ta’ konsulent mal-Gvern. Kien rappurtat li fis-sena 2018 minn dawn il-konsulenzi u servizzi oħra lill-Gvern Deborah Schembri qed iddaħħal €160,000 ewro fis-sena.
Pagi oħrajn li jmissu l-€100,000 hemm ta’ Johann Buttigieg, li jokkupa l-kariga ta’ Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar u li minkejja li tħabbret ir-riżenja tiegħu fl-aħħar snin kien rappurtat li kellu paga li tmiss il-€95,000 fis-sena.
Joseph Cuschieri, Kap Eżekuttiv tal-MFSA ukoll għandu paga li taqbeż il-€115,000 ewro u ma jonqosx ukoll li l-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Frederick Azzopardi għandu paga fl-istess ilmijiet.Dan kollu jistogħna mad-diskors ta’ Joseph Muscat meta qal li jrid jagħmel lill-poplu Malti, sinjur żgħir, għaliex kif tixhed din l-istorja huma l-ftit li qed jieħdu l-ħafna u l-poplu jingħata l-loqom.
//= $special ?>