Tellieqa bejn dawk qrib il-Prim Ministru Joseph Muscat għal min se jkun qed jieħu l-iktar, b’pagi astronomiċi f’karigi għoljin maċ-ċivil jew konsulenzi.
Id-dħul annwali ta’ dawn il-persuni f’postijiet importanti f’istituzzjonijiet li jaqgħu taħt iċ-Ċivil jammontaw għal mijiet ta’ eluf ta’ ewro kull sena.
Dan kollu b’kuntrast kbir mad-dħul tal-ħaddiem Malti; mad-dħul tal-pensjonanti; mal-ġlieda ta’ ħafna familji biex ikollhom biżżejjed finanzi kull xahar.
Fuq quddiem ta’ dawk li fiċ-Ċivil qed jiffangaw kemm jifilħu b’salarji eżorbitanti wieħed isib lista mhux ħażin ta’ persuni, fosthom Kurt Farrugia, James Piscopo, Johann Buttigieg, Joseph Cuschieri, Fredrick Azzopardi li bejniethom għandhom dħul ta’ aktar minn €600,000 fis-sena.
James Piscopo, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita tal-Artijiet, inħatar ukoll bħala Chairman ta’ ARMS Ltd, Meqjus bħala qrib ħafna ta’ Joseph Muscat, għandu diversi ħatriet f’entitajiet pubbliċi fosthom fuq il-bordijiet tal-Enemalta u Projects Malta biex idaħħal mal-€100,000 fis-sena.
Karl Stagno Navarra, persuna oħra qrib il-klikka ta’ Kastilja, illum il-ġurnata qed jokkupa kariga fi ħdan l-Air Malta fejn il-paga assenjata għal dan il-post li jinsab fih tammonta għal xejn inqas minn €90,000.
Hemm ukoll Robert Abela li kif kien rappurtat fil-midja fix-xhur li għaddew il-konsulenzi li għandu mal-Gvern qed iwassal biex jaqla’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro. Tant li taħt l-amministrazzjoni Laburista sas-sena 2017 kien diġa qala’ aktar minn nofs miljun ewro.
L-istess jista’ jingħad għal Deborah Schembri, eks-Segretarju Parlamentari imma li issa qed isservi ta’ konsulent mal-Gvern. Kien rappurtat li fis-sena 2018 minn dawn il-konsulenzi u servizzi oħra lill-Gvern Deborah Schembri qed iddaħħal €160,000 ewro fis-sena.
Pagi oħrajn li jmissu l-€100,000 hemm ta’ Johann Buttigieg, li jokkupa l-kariga ta’ Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar u li minkejja li tħabbret ir-riżenja tiegħu fl-aħħar snin kien rappurtat li kellu paga li tmiss il-€95,000 fis-sena.
Joseph Cuschieri, Kap Eżekuttiv tal-MFSA ukoll għandu paga li taqbeż il-€115,000 ewro u ma jonqosx ukoll li l-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Frederick Azzopardi għandu paga fl-istess ilmijiet.
Dan kollu jistogħna mad-diskors ta’ Joseph Muscat meta qal li jrid jagħmel lill-poplu Malti, sinjur żgħir, għaliex kif tixhed din l-istorja huma l-ftit li qed jieħdu l-ħafna u l-poplu jingħata l-loqom.