Lokali

Muscat mutu dwar it-tberbieq tal-flus

Fl-aħħar ġimgħatejn, minn mindu ġie ppreżentat il-Budget għas-sena d-dieħla, il-Gvern qed itenni li pajjiżna kollu qed igawdi mill-Ekonomija. Iżda rapport wara l-ieħor fil-ġurnali u l-gazzetti qed juru kemm, fil-verità, mill-finanzi tal-Gvern qed igawdu biss tal-qalba.

Iżda minkejja dawn ir-rapporti, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat evita milli jikkummenta jew almenu jiċħad kwalunkwe minn dawn l-istejjer. Minflok, fl-intervent tiegħu waqt attività politika fil-Mosta, Muscat attakka kontinwament lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, minkejja li ppreżentat aktar minn 100 proposta fid-Dokument ta’ Qabel il-Budget.

Min-naħa l-oħra, kellhom jgħaddu aktar minn seba’ snin biex Muscat jgħid il-verità dwar il-politika ta’ Gvern Nazzjonalista dwar l-Enerġija. F’dawn is-snin kollha, il-Partit Laburista mmexxi minnu ilhom jaqtgħu u jużaw frażi tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi dwar il-vot relatat mal-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Iżda llum, wara aktar minn seba’ snin, Muscat ammetta li l-intenzjoni tal-Gvern Nazzjonalista ma kinitx kappriċċ, iżda biex inaqqas l-emmissjonijiet. Dikjarazzjoni ċara minn Muscat innifsu, li turi kemm il-Partit Nazzjonalista dejjem kellu viżjoni għall-futur tal-pajjiż u kemm il-Partit Laburista kien ikun iqarraq fil-kritika tiegħu. Inkella, il-Partit Laburista ma kellux viżjoni u għalhekk ma fehemx x’kellu f’moħħu l-Gvern Nazzjonalista.

Dwar l-Edukazzjoni, il-Prim Ministru qal li l-Gvern tiegħu mhux jeskludi li jgħolli l-età tal-Edukazzjoni Obbligatorja. U filwaqt li qal li din il-bidla mistennija titpoġġa għad-diskussjoni pubblika, irrikonoxxa li minn din l-idea jbatu l-aktar il-familji foqra, filwaqt li jkun hemm bżonn ta’ aktar barranin jiġu jaħdmu biex jimlew il-vojt li se jħallu dawk li jibqgħu jistudjaw.

Muscat irrikonoxxa l-ħafna li għamel il-Gvern Nazzjonalista fil-qasam tal-Edukazzjoni u li l-politika tal-Gvern Laburista għal dan is-settur importanti hi differenti ferm.

Sadanittant, matul l-attività politika Laburista, li saret fil-bini pubbliku tal-Kunsill Lokali tal-Mosta, tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari Chris Agius, li ammetta li dan kien Budget riċiklat. Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru daqslikieku biex japprova din l-ammissjoni tas-Segretarju Parlmentari, reġa’ tenna l-wegħda riċiklata li fis-sena d-dieħla se tiftaħ l-Iskola tal-Qawra, minkejja li issa ilu jagħmel din l-istess wegħda għal għadd ta’ snin.

U dwar l-Edukazzjoni ma setax jonqos milli jitkellem ukoll il-Ministru Evarist Bartolo, li qal li s-surplus li qed jiddikjara l-Gvern Laburista qed igawdu minnu l-Għalliema biż-żidiet fil-pagi. Iżda l-istatistika qed tmeri dan il-fatt, hekk kif studju li sar mill-Kummissjoni Ewropea jikkonferma li l-Għalliema f’Malta huma mħallsa anqas mill-medja ta’ 42 pajjiż fl-Ewropa.

Il-unions tal-Għalliema stess ilhom xhur jagħmlu talbiet u appelli għal kundizzjonijiet aħjar, tant li kellhom isejħu għal diversi azzjonijiet industrijali.