Wales falliet l-opportunità li tilgħab il-finali tat-Tazza tad-Dinja għall-ewwel darba hekk kif kienet megħluba 19-16 mill-Afrika ta’ Isfel. Id-differenza spiċċat biex kien penalty fis-76 minuta biex b’hekk se jkunu l-Afrikani li jikkontestaw il-finali kontra l-Ingilterra. B’hekk kompliet is-sensielta ta’ diżappunti għal Wales f’din il-kompetizzjoni wara l-karta ħamra ta’ Sam Warburton fit-telfa kontra Franza fis-semifinali fl-2011 filwaqt li erba’ snin ilu huma tilfu kontra l-Afrika ta’ Isfel fil-kwarti tal-finali b’tim li kellu diversi plejers imweġġgħin.
Fl-ewwel taqsima, kienu tliet penalties ta’ Handre Pollard fil-15, l-20 u l-35 minuta li għenu biex l-Afrika ta’ Isfel tidħol tistrieħ 9-6 fil-vantaġġ. Għal Wales skorja żewġ penalties ta’ Dan Biggar fit-18 u d-39 minuta f’taqsima li ma kien skorjat l-ebda try. Biggar saħansitra għamel l-iskor 9-9 bit-tielet try personali fis-46 minuta. Damian de Allende poġġa lill-Afrika ta’ Isfel fil-vantaġġ fis-57 minuta meta rnexxielu jinfed lid-difiża avversarja, b’Pollard jagħmel il-conversion għal vantaġġ ta’ 16-9.
Wales ħassew l-urġenza li jsalvaw il-logħba u wara li ddeċidew li jmorru għal scrum kontra avversarju aktar b’saħħithom minflok penalty quddiem il-lasta, ħadmu ballun tajjeb biex Josh Adams għamel try importanti fil-65 minuta. Leigh Halfpenny għamel il-conversion biex għamel l-iskor indaqs. Dan wassal għal ftit aktar minn 10 minuti ta’ tensjoni, b’Wales jattakkaw biex ifittxu r-rebħa li tħalli t-tama li tħalli marka fuq il-perjodu ta’ Warren Gatland fit-tmexxija. Iżda Pollard skorja r-raba’ penalty li kien deċiżiv fis-76 minuta hekk kif ikkontrollaw l-aħħar minuti.
L-Afrika ta’ Isfel tħares b’ottimiżmu lejn il-finali kontra l-Ingilterra s-Sibt li ġej f’Yokohama filwaqt li għal Gatland l-aħħar logħba bħala kowċ ta’ Wales tkun il-Ġimgħa kontra New Zealand, f’logħba għat-tielet u r-raba’ post. Il-finali tas-Sibt li ġej se tkun ripetizzjoni tal-2007 meta dakinhar l-Afrika ta’ Isfel rebħet 15-6 kontra l-Ingilterra fi Stade de France.
//= $special ?>