Roma u Lazio kisbu tliet punti importanti kontra Milan u Fiorentina biex jinsabu fil-ħames u s-sitt post rispettivament. Atalanta komplew jimpressjonaw u bir-rebħa li kisbu saħħew it-tielet post u jinsabu biss tliet punti bogħod mill-quċċata, b’Napoli jonqsu li jieħdu vantaġġ mid-draws ta’ Juventus u Inter.
BERGAMO – Atalanta kisbu l-akbar rebħa tal-ġurnata kontra dik li sa qabel dan il-konfront kienet l-aħjar difiża tal-kampjonat. Ir-rebħa ta’ 7-1 fuq Udinese wasslet biex Atalanta jinsabu tliet punti taħt il-leaders Juventus. Ironikament kienu Udinese li fetħu l-iskor fil-11-il minuta meta STEFANO OKAKA skorja wara li seraq ballun mingħand Simon Kjaer sakemm għaxar minuti wara JOSIP ILICIC ġab id-draw b’kontrattakk veloċi.
LUIS MURIEL poġġa lil Atalanta fil-vantaġġ fil-35 minuta minn penalty, f’azzjoni li fiha ntwera t-tieni karta safra Nicholas Opoku, biex JOSIP ILICIC għamilhom 3-1 fit-43 minuta. Il-festa Bergamasca kompliet fil-bidu tat-tieni taqsima b’LUIS MURIEL jiskorja t-tieni gowl personali fis-47 minuta u MARIO PASALIC għamilhom ħamsa fit-52 minuta. LUIS MURIEL għaqqad it-tripletta personali fil-75 minn penalty ieħor, biż-żagħżugħ AMAD TRAORE jiskorja l-ewwel gowl tiegħu fit-83 minuta.
BOLOGNA – Bologna kisbu r-raba’ rebħa tal-kampjonat biex telgħu f’nofs il-klassifika, filwaqt li Sampdoria baqgħu fil-qiegħ tal-klassifika. Il-veteran RODRIGO PALACIO kien fetaħ l-iskor fit-48 minuta b’konklużjoni fil-baxx wara li rċieva mil-lemin. Sampdoria ġabu d-draw fl-64 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ MANOLO GABBIADINI, iżda d-difensur MATTIA BANI skorja l-gowl tar-rebħa fit-78 minuta meta daħal tajjeb minn korner mix-xellug.
FIRENZE – Lazio jinsabu żewġ punti biss taħt ir-raba’ post wara li għelbu lil Fiorentina 2-1 fi Stadio Artemio Franchi. JOAQUIN CORREA fetaħ l-iskor fit-22 minuta meta qabeż lil Bartlomiej Dragowski u xeħet f’xibka vojta, iżda FEDERICO CHIESA ġab id-draw għal Fiorentina ħames minuti wara meta kompla għal ġewwa kross mix-xellug. Il-gowl tar-rebħa wasal fid-89 minuta bi kross mix-xellug ta’ Jordan Lukaku jsib lil CIRO IMMOBILE li b’daqqa ta’ ras preċiża ħalla lil Dragowski jħares. Lejn it-tmiem il-Bianocelesti setgħu skorjaw it-tielet gowl iżda Dragowski salva l-penalty tas-sostitut Felipe Caicedo.
TURIN – Cagliari komplew il-kampjonat pożittiv li kellhom sa issa wara draw ta’ 1-1 barra minn darhom kontra Torino. NAHITAN NANDEZ fetaħ l-iskor favur Cagliari fl-40 minuta b’xutt b’saħħtu fil-baxx sakemm Torino ġabu d-draw fid-69 minuta bi kross mix-xellug ta’ Andrea Belotti jsib lil SIMONE ZAZA li xeħet mill-ewwel fix-xibka.
FERRARA – Napoli komplew jitilfu aktar punti hekk kif kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 kontra Spal barra minn darhom. ARKADIUSZ MILIK poġġa lil Napoli fil-vantaġġ wara disa’ minuti b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa iżda Spal ġabu d-draw fis-16-il minuta b’xutt mill-ewwel ta’ JASMIN KURTIC wara kross mil-lemin.
RUMA – Il-problemi ta’ Milan komplew jippersistu f’Ruma hekk kif kienu megħluba 2-1 minn Roma. B’hekk Stefano Pioli għadu jfittex l-ewwel rebħa fit-tmexxija ta’ Milan. EDIN DZEKO poġġa lil Roma fil-vantaġġ fit-38 minuta meta żmarka ruħu u għeleb lil Gianluigi Donnarumma b’daqqa ta’ ras minn azzjoni ta’ korner mil-lemin. THEO HERNANDEZ ġab id-draw fil-55 minuta b’xutt fl-arja biex skorja l-ewwel gowl fis-Serie A, iżda għaddew biss erba’ minuti biex Roma reġgħu kisbu l-vantaġġ. Din id-darba kien żball difensiv li minnu d-difiża ta’ Milan inqabdet fuq sieq waħda, b’NICOLO ZANIOLO jegħleb lil Donnarumma b’xutt għar-rokna.
Serie A
Il-Ġimgħa: Verona v Sassuolo 0-1
Is-Sibt:
Genoa v Brescia 3-1, Inter v Parma 2-2, Lecce v Juventus 1-1
Il-Ħadd: Atalanta v Udinese 7-1, Bologna v Sampdoria 2-1, Fiorentina v Lazio 1-2, Torino v Cagliari 1-1, Spal v Napoli 1-1, Roma v Milan 2-1,
//= $special ?>