Internazzjonali

Renju Unit: Il-Gvern għandu jevalwa l-għażliet f’każ li jfallilu l-pjan għal elezzjoni

Il-Gvern tal-Prim Ministru, Boris Johnson, għada, se jressaq mozzjoni fil-Parlament biex isejjaħ għal elezzjoni ġenerali fir-Renju Unit, bil-ħsieb li dan isir fit-12 ta’ Diċembru.

Sadanittant, is-sorsi qrib il-Prim Ministru f’Downing Street (Londra) qalu li huma lesti biex janalizzaw għażliet oħra, f’każ li jfalli l-pjan tal-Gvern għal din l-elezzjoni.

Fl-istess ħin, il-Liberali Demokratiċi u s-Scottish National Party (SNP) iridu jintroduċu abbozz li ‘jaċċerta legalment’ li ssir elezzjoni fid-9 ta’ Diċembru u li jkun suġġett għal estensjoni ta’ Brexit sal-31 ta’ Jannar.

L-abbozz inkwistjoni jemenda l-Fixed-term Parliaments Act tal-2011 biex jinkludi d-data tad-9 ta’ Diċembru bħala d-data għall-elezzjoni li jmiss fir-Renju Unit. Dan jidħol fis-seħħ f’każ li l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li testendi l-proċess ta’ Brexit sa ‘mhux qabel l-aħħar ta’ Jannar’.

L-osservaturi jaqblu li dan l-abbozz hu sinifikanti peress li l-metodu jirrekjedi biss maġġoranza sempliċi aktar milli l-maġġoranza taż-żewġ terzi tad-deputati li jeħtieġ il-Prim Ministru għall-appoġġ tal-mozzjoni tiegħu għal elezzjoni fit-12 ta’ Diċembru.

L-abbozz, fl-istess ħin, iwarrab it-theddida ta’ no-deal Brexit fil-futur immedjat.

L-Ambaxxaturi tal-UE qablu dwar dawmien għal Brexit iżda għalissa ma ħadux deċiżjoni dwar data għal deadline ġdid – bid-deċiżjoni tittieħed fil-jiem li ġejjin. Kif inhi s-sitwazzjoni bħaissa, ir-Renju Unit, xorta waħda, għandu jħalli l-UE nhar il-Ħamis, skont id-deadline tal-31 ta’ Ottubru.

Sorsi qrib il-Gvern qalu li f’każ li l-Laburisti fl-Oppożizzjoni jibgħu jiċħdu li jgħaddu ‘mill-ġudizzju tal-poplu’, il-Gvern ta’ Johnson għandu jħares lejn l-għażliet kollha biex jikkonkludi Brexit u se jikkunsidra ideat simili proposti minn partiti oħrajn fl-Oppożizzjoni.

Intant, id-deputat Konservattiv James Cleverly fisser l-abbozz tal-Liberali u l-SNP bħala ‘gimmick politiku’ u sostna li l-abbozz, minbarra li jmexxi l-elezzjoni ‘il quddiem bi tliet ġranet, ‘ineħħi kompletament il-ftehim għal Brexit minn fuq il-mejda’.

Cleverly fakkar li l-Gvern, filwaqt li ressaq il-proposti għal elezzjoni ġenerali, mhux se jisma liż-żewġ partiti ( Liberali Demokratiċi u SNP) li esprimew ċar u tond l-intenzjonijiet tagħhom biex iwaqqfu Brexit.

Dan id-deputat anki qed iħossu ‘ċiniku’ dwar l-abbozz li jridu l-Liberali Demokratiċi u l-SNP peress li dan ikun dispost għall-emendi u li jfisser li d-deputati parlamentari jkunu jistgħu jissuġġerixxu l-bidliet għalih, bir-riżultat ta’ aktar perjodi ta’ dawmien.