Futbol Sport

Salah iħalli lil Liverpool sitt punti vantaġġ fil-quċċata tal-Premier League

(Ritratt: EPA)

Liverpool reġgħu jinsabu sitt punti vantaġġ fil-quċċata tal-Premier League wara li dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil Tottenham 2-1 f’Anfield. Tottenham ħadu vantaġġ bikri wara 47 sekonda meta Harry Kane skorja b’daqqa ta’ ras wara li xutt imxellef ta’ Heung-Min Son kien ħabat mal-wieqfa. Il-Korean laqat il-lasta kmieni fit-tieni taqsima iżda Liverpool ġabu d-draw fit-52 minuta mill-captain Jordan Henderson li għeleb lil Paulo Gazzaniga min-naħa leminija tal-kaxxa. Huma skorjaw il-gowl tar-rebħa kwarta mit-tmiem meta Serge Aurier waqqa’ lil Sadio Mane fil-kaxxa, b’Mohamed Salah jiskorja l-gowl importanti minn penalty.

Rebħa importanti għal Manchester United li f’Carrow Road ħarġu rebbieħa 3-1 kontra Norwich, anki jekk il-gowlkiper Tim Krul salva żewġ penalties li ngħataw bil-VAR. Din kienet l-ewwel rebħa fil-Premier League barra minn darhom wara tmien xhur. Scott McTominay fetaħ l-iskor fil-21 minuta b’xutt fil-baxx qabel Krul salva l-penalty ta’ Marcus Rashford wara kuntatt dubjuż fil-kaxxa bejn Ben Godfrey u Daniel James. Iżda żewġ minuti wara Rashford irdoppja, b’Anthony Martial jara l-penalty ikun salvat ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima. Martial għalaq il-logħba fit-73 minuta wara kombinazzjoni tajba ma’ Rashford, b’Onel Hernandez jiskorja l-gowl ta’ konsolazzjoni fit-88 minuta.

Konfront missielet kien fl-Emirates Stadium, b’Crystal Palace jieħdu punt kontra Arsenal fi draw ta’ 2-2. Il-Gunners kienu ħadu vantaġġ doppju wara 10 minuti b’gowls mid-difensuri ċentrali tagħhom Sokratis Papastathopoulos u David Luiz. Luka Milivojevic naqqas id-distakk fit-32 minuta minn penalty u fit-52 minuta Jordan Ayew ġab id-draw b’daqqa ta’ ras. Ftit wara Granit Xhaka deher jargumenta mal-partitarji wara li kien mibdul fejn anki rċieva tisfir qabel neħħa l-flokk u baqa’ dieħel ġewwa.

Wolves salvaw punt f’St. James’ Park fi draw ta’ 1-1 kontra Newcastle biex salvaw punt u baqgħu f’nofs il-klassifika. Jamaal Lascelles kien poġġa lit-tim ta’ Steve Bruce fil-vantaġġ fis-37 minuta b’daqqa ta’ ras tajba, b’Jonny jiskorja 17-il minuta mit-tmiem wara li l-gowlkiper Martin Dubravka tefa’ kross ta’ Matt Doherty fid-direzzjoni ta’ Jonny. Fit-82 minuta tkeċċa Sean Longstaff wara daħla fuq Ruben Neves iżda Wolves ma rnexxielhomx isibu l-gowl tar-rebħa.

Premier League

Il-Ħadd: Arsenal v Crystal Palace 2-2, Liverpool v Tottenham 2-1, Newcastle v Wolves 1-1, Norwich v Manchester United 1-3