Mhux eskluż li grupp ieħor ta’ immigranti li ġew salvati fl-aħħar sigħat mill-bastiment Alan Kurdi jinġiebu lejn Malta, hekk kif jinsabu maqbuda f’ibħra internazzjonali.
Fl-aħħar sigħat l-għaqda li tmexxi dan il-bastiment, is-Sea Watch, irrappurtat li waqt il-ħidma tas-salvataġ, tliet bastimenti Libjani heddew lill-ekwipaġġ u ppruvaw ifixkluhom milli jtellgħu l-immigranti abbord.
Kien f’dan il-waqt li l-ekwipaġġ tal-bastimenti Libjani bdew jisparaw tiri ta’ twissija fl-ajru u fl-ilma waqt li, permezz tar-radju, heddew lill-kaptan li t-tiri li jmiss kienu se jkunu lejn l-Alan Kurdi.
Ir-rapporti jgħidu li malli raw dan, l-immigranti bdew jaqbżu mid-dinghy tagħhom u jgħumu lejn l-Alan Kurdi f’tentattiv biex isalvaw. Madankollu dan sar ukoll b’periklu għal ħajjithom.
Finalment jidher li minkejja dawn il-mumenti ta’ tensjoni, dawk kollha abbord id-dinghy ttellgħu fuq l-Alan Kurdi b’wiċċ il-ġid u ma kienx hemm rapporti ta’ persuni li sofrew xi ġrieħi.
Madankollu jidher li hemm mara tqila li qed titlef id-demm u li għalhekk aktarx qed tkorri. F’dan il-każ intalbet assistenza medika urġenti.
L-ekwipaġġ tal-Alan Kurdi ddikjara wkoll li malli s-salvataġġ tal-immigranti ġie fi tmiemu b’suċċess, il-bastimenti Libjani rtiraw. Madankollu s-Sea Watch irrappurtat li l-milizzji Libjani ħatfu grupp ieħor ta’ refuġjati li kienu fuq dinghy ieħor.
Issa l-Alan Kurdi, li abbord għandu 90 immigrant, qed jitlob li dawn jitħallew jidħlu f’Malta jew fl-Italja waqt li ġiet injorata l-offerta tal-awtoritajiet Libjani biex dawn jiddaħħlu f’Tripli. S’issa l-ebda pajjiż għadu m’aċċetta li jilqa’ lil dawn l-immigranti.
//= $special ?>