Lokali

Speċi ta’ kaktus tingħata isem Malti

Malta issa naqxet isimha anke fix-xena tal-kaktus hekk kif Malti rnexxielu jkabbar tip ta’ kaktus rari f’kisba importanti li wasslet biex din tingħata l-isem ta’ Pilosocereus zahrae.

Avventura li damet is-snin biex wasslet għar-riżultati mixtieqa. Filfatt, minn mindu nstabet iż-żerriegħa ta’ din l-ispeċi, ħadet disa’ snin biex kibret sakemm ipproduċiet il-fjuri u 11-il sena biex din l-istess speċi kienet rikonoxxuta bħala speċi ġdida.

Rene Zahra

Rene Zahra qatta’ s-snin ikabbar din iż-żerriegħa li nstabet minn siehbu Pierre Braun fil-Brażil u b’paċenzja sħiħa stenna b’qalbu qawwija li tinbet.

Meta kibret u għamlet il-fjuri, kien konfermat li din l-ispeċi kienet mingħajr isem xjentifiku.

Net News iltaqa’ mal-President tas-Soċjetà Maltija tal-Kaktus u Sukkulenti Oħra, Mario Azzopardi fejn spjegalna iktar dwar il-vjaġġ ta’ Rene.

Mario Azzopardi jispjega li għas-Soċjetà tagħhom dan hu unur tant din hi okkażjoni rari.

Is-Soċjetà twaqqfet fl-1951 u tgħodd madwar 100 membru. Din toffri laqgħat edukattivi fuq il-kaktus u s-sukkulenti.

Ritratti: Matthew Tabone