Joseph Muscat dalgħodu kellu juża ħafna mill-ħin tiegħu sabiex jiddefendi l-kriżi li ħoloq huwa stess fis-settur tal-edukazzjoni. Wara li l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo għamel diskors sħiħ jitfa’ l-problemi taħt it-tapit, Muscat qal li l-gvern qiegħed iwettaq “rivoluzzjoni siekta” fl-edukazzjoni. Aktarx siekta minħabba s-silenzju jtarrax dwar id-diversi proġetti li dan il-gvern ħalla nofs leħja, bħall-iskejjel tal-Qawra, l-Imsida u r-Rabat Għawdex.
Qal dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija li ħarġet ftit wara d-diskors tal-Prim Ministru.
Is-serje ta’ dikjarazzjonijiet surreali illi Muscat qiegħed jagħmel kull nhar ta’ ħadd kompliet llum meta qal li l-gvern tegħu ma jagħmilx l-affarijiet “bil-pompa”. Dan ftit tal-jiem wara li wieħed mill-ministri tiegħu li jrid jieħodlu postu, Ian Borg, nefaq €40,000 fuq ċerimonja waħda biss. Qal ukoll li naqqas bil-kbir l-ammont ta’ Early School Leavers, meta fil-verità pajjiżna għandu t-tieni l-ogħla ammont fl-Ewropa ta’ studenti li ma jkomplux bl-istudji tagħhom.
L-istqarrija temmet tgħid li meta ftit tal-jiem ilu statistika tal-Kummissjoni Ewropea uriet li l-pagi tal-għalliema ġewwa pajjiżna huma aktar baxxi mill-medja Ewropea, Muscat totalment injora din l-istatistika anzi prova jiġġustifika dan billi jqabbilhom ma’ dawk ta’ pajjiżi oħra. Lil Kurt Farrugia, madankollu, ma injorahx. Farrugia, li sa ftit ilu kien il-PRO tal-Prim Ministru illum qed jingħata pakkett oħxon ta’ Ewro 180,000 fis-sena bħala CEO tal-Malta Enterprise. Dan ifisser li jaqla’ daqs disa’ għalliema f’daqqa. Minn Malta f’Qalbna għal Malta tal-Qalba.
//= $special ?>