Internazzjonali

Stati Uniti: Sitwazzjoni ta’ emerġenza fost in-nirien f’Kalifornja

Il-Gvernatur ta’ Kalifornja, Gavin Newsom, iddikjara stat ta’ emerġenza effettiv għall-Istat kollu, bis-sitwazzjoni tirriżulta min-nirien qalb territorju aħrax li komplew jinfirxu, fost l-irwiefen ġodda, huma u jheddu liz-zoni residenzjali.

Madwar 180,000 resident kienu ordnati jitilqu mill-inħawi lejn in-nofsinar ta’ Kalifornja, bid-direttiva għall-evakwazzjoni ssir ‘aktar urġenti’. Dan waqt li t-toroq madwar Santa Rosa kienu pakkjati bil-karozzi, bin-nies jippruvaw jitbiegħdu kemm jistgħu min-nirien.

Id-direttiva għall-evakwazzjoni hi partikularment valida għal zona kbira ta’ Sonoma County, li tinkludi Santa Rosa. L-inħawi ta’ Sonoma, s’issa, ġarrbu l-agħar impatt tan-nar magħruf bħala l-Kincaid Fire, li ilu jaqbad għal jiem waqt li avvanza tul talanqas 30,000 ettari ta’ art.

L-aħħar rapporti qalu li għexieren ta’ eluf ta’ djar kienu f’periklu min-nirien, magħrufa bħala wildfires. Intant, il-provvista tad-dawl kienet għadha maqtugħa għal numru ta’ bnadi, bis-sitwazzjoni tkun imfissra bħala l-akbar blackout fl-istorja ta’ Kalifornja.

Dan meta s’issa, hemm ‘il fuq minn miljun resident mingħajr elettriku, bil-kumpaniji tad-dawl jippruvaw jevitaw nirien ġodda kaġunati minn ħsarat fil-cables.  Fil-fatt, mistenni li d-dawl jinqata’ għal miljun resident ieħor fl-Istat ta’ Kalifornja.

Is-sitwazzjoni f’Kalifornja anki mistennija taqleb għall-agħar wara li s-servizzi meteoroloġiċi rreferew għall-possibbiltà ta’ irwiefen ġodda li kapaċi jixprunaw kundizzjonijiet favorevoli ‘storiċi’ għan-nirien li qegħdin jaqbdu f’dan l-Istat.