Lokali

AĠĠORNATA: Aktar protesti fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal Safi

L-immigranti irregolari residenti fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Safi għamlu protesta oħra, b’NET News jinsab infurmat li dawn saħansitra kissru s-sodod f’żewġ imħażen u bdew isabbtu bihom mal-ħitan tal-ħadid.

Fil-post inġabru għadd kbir ta’ Pulizija. Il-mezzi tax-xandir ma tħallewx jidħlu lejn iċ-Ċentru, bil-Pulizija jgħidulhom li din id-deċiżjoni ttieħdet għax jista’ jkun ta’ periklu għalihom. Dan hekk kif, NET News jinsab infurmat li fiż-żewġ imħażen fejn inqala’ l-inkwiet hemm madwar 600 immigrant residenti, minkejja li l-ammont ta’ Uffiċjali ta’ Detenzjoni magħhom ma jaqbiżx l-10 f’kull ħin.

Fil-ħin tal-protesta, deher ukoll vann tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ħiereġ mill-post, u aktar tard fi stqarrija l-Pulizija qalet li żammew xi persuni li nstigaw il-protesti. Sezzjonijiet tal-media rrappurtaw li ħaddiem tas-Servizz tad-Detenzjoni weġġa’ ħafif, minkejja li din l-informazzjoni ma setgħetx tiġi kkonfermata.

Net News ilu xhur sħaħ jinvestiga s-sitwazzjoni ta’ iffullar f’dawn iċ-ċentri, bil-Gvern għadu sal-lum ma weġibx id-domandi diretti tagħna dwar kemm hemm persuni miżmuma f’detenzjoni.